Korsija ġdida bejn l-Imtarfa u l-Mosta sal-aħħar tas-sena

Infrastructure Malta qalet li sal-aħħar ta’ din is-sena se jibda proġett li se jwassal biex ikun hemm korsija ġdida bejn l-Imtarfa u l-Mosta fi Triq Buqana. Din il-korsija se tiżdied għall-vetturi li jkunu sejrin fid-direzzjoni tat-tramuntana b’tul ta’ 1.8 kilometri, u se jkun hemm korsija oħra għaċ-ċiklisti.

Bħalissa Triq Buqana għandha żewġ korsiji għall-karozzi, waħda għal kull direzzjoni kif ukoll bankina u korsija għar-roti magħqudin flimkien.

Tħabbar ukoll li ż-żewġ roundabouts li hemm fit-truf ta’ din it-triq ser jinbnew b’disinn ġdid, biex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u jitnaqqsu r-riskji ta’ ħabtiet u inċidenti.

F’din il-ħolqa, se jinbnew tliet bypass lanes ġodda – waħda li tagħti lejn Triq Sir Temi Zammit fid-direzzjoni ta’ l-Imġarr, mingħajr ma’ ddur mar-roundabout. It-tnejn l-oħra ser jgħaqqdu b’mod dirett il-korsija lejn in-nofsinhar ta’ Triq Sir Temi Zammit ma’ Triq ta’ Żejfa l-Mosta fl-inħawi taż-Żokrija, u Triq San Pawl tal-Qliegħa l-Mosta fid-direzzjoni ta’ l-Imtarfa.

Infrastructure Malta qalet li se jsiru wkoll xogħlijiet ta’ servizzi taħt il-livell ta’ din it-triq.