Kors ta’ taħriġ organizzat miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK)

Uħud mill-parteċipanti waqt workshop

Grupp ta’ 15-il żagħżugħ u żagħżugħa ġejjin mill-Azzjoni Kattolika ta’ Malta, ir-Rumanija u l-Italja ltaqgħu għal kors ta’ taħriġ ta’ 4 tijiem maħsub biex jgħinhom fl-involviment tagħhom u l-volontarjat li huma jwettqu maż-żgħażagħ.

Dan is-seminar ta’ taħriġ, bl-isem ta’ OWLS (li jfisser Opportunities + Willingness + Learning = Success) sar ġewwa Iasi, ir-Rumanija bejn l-20 u l-24 t’Awwissu. Dan is-seminar kien il-ħames u l-aħħar parti ta’ proġett ħafna ikbar li involva madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa li beda fis-sena 2018 fl-Italja u kompla iktar kmieni din is-sena f’Malta stess. Dan il-proġett kien possibli grazzi għall-fondi tal-Erasmus+ tal-Unjoni Ewropeja.

Mal-wasla tal-parteċipanti fir-Rumanija nhar it-Tnejn, kellhom ftit ċans jiskopru parti żgħira mill-pajjiż u l-kultura u l-istorja marbuta miegħu.

L-oriġini fl-Azzjoni Kattolika

It-Tlieta l-programm beda billi l-parteċipanti introduċew lilhom infushom lil xulxin permezz ta’ xi logħob. L-ewwel workshop għinhom ikomplu jsiru jafu lil xulxin imma fuq livell iktar fond, għax kellhom imorru lura u jaħsbu fl-għeruq u l-oriġini tagħhom fl-Azzjoni Kattolika. Irriflettew fuq l-influwenza tal-persuni fl-Azzjoni Kattolika fuq l-iżvilup tagħhom, kif ukoll irrealizzaw u iddiskutew fuq l-influwenza li huma qed ikollhom fuq żgħażagħ oħra li qed isegqu mixja fl-Azzjoni Kattolika. Skoprew li l-aktar ħaġa importanti meta tkun f’rwol li tinfluwenza, hi li tieħu ħsieb dak li jkun.

Fil-workshop ta’ wara nofsinhar iddiskutew il-gruppi ta’ żgħażagħ differenti li jeżistu fl-Azzjoni Kattolika bejn l-etajiet ta’ bejn it-tnax u t-tletin sena. Il-lejla kkonkludiet bl-i International Evening fejn ħadu l-opportunità jaqsmu l-ikel, żfin u tradizzjonijiet ta’ kulturi differenti. Il-parteċipanti kienu ħerqana ħafna biex jitgħallmu u jiskopru affarijiet ġodda u jibnu ħbiberiji b’saħħithom.

Il-programm Erasmus

L-Erbgħa, l-ġurnata bdiet billi l-grupp evalwa l-kontenut tal-ġurnata ta’ qabel u rrealizzaw kemm dan għinhom jingħaqdu bħala grupp wieħed. Il-programm kompla b’sessjoni dwar proġetti u l-fondi tal-programm tal-Erasmus+. Il-parteċipanti skoprew b’opportunitajiet differenti kemm għalihom u kemm għaż-żgħażagħ li huma jmexxu fl-organizzazzjoni tagħhom. Kellhom ukoll l-opportunità jiżviluppaw proġett, jitgħallmu mill-esperjenza li jorganizzaw proġett, kif ukoll janalizzaw x’riżorsi għandhom u x’hemm bżonn li jkollhom. Għarfu li dak li għandhom iridu jagħtuh lura lid-dinja, flimkien mal-oħrajn.

Il-Ħamis il-ġurnata bdiet b’workshop li ffoka fuq fundraising. Bdejn bi brainstorming, fejn l-ewwel pass kien li niskopru r-raġunijiet għalfejn nagħtu (flus, ħin, enerġija) u qassmu metodi differenti li jafu jew esperjenzaw kif jinġabru flus b’attivitajiet u proġetti, fil-pajjiżi differenti. Wara nofsinhar żaru ċ-ċentru ta’ Iasi u marru għall-quddiesa fil-Katidral fejn ipparteċipaw ukoll fiċ-ċelebrazzjonijiet li kien qed isiru hemmhekk. L-Isqof qalilhom biex dejjem jibqgħu żgħażagħ li juru l-fidi tagħhom permezz tat-tbissima tagħom.

Il-kors ta’ taħriġ serva biex jgħin liż-żgħażagħ jiksbu għodda u metodoloġiji li jistgħu jintużaw fil-gruppi tagħhom, apparti li komplew jinbnew il-pontijiet bejn żgħażagħ differenti fl-Azzjoni Kattolika.