Kors ġdid għall-għalliema tal-iskejjel Primarji

Tnieda kors ġdid immirat għall-għalliema tal-iskejjel primarji biex joffru tagħlim barra mill-klassi u permezz tan-natura.
L-Istitut għall-Edukazzjoni ħabbar li l-kors li jwassal għal ‘MQF Level 6 Award in Teaching Outdoor Learning through Nature’ qed jingħata minn BirdLife Malta permezz ta’ fieldwork, lezzjonijiet u anke materjal li jitqassam biex wieħed jistudja fuqu.
Il-kors mifrux fuq erba’ ġimgħat se jipprovdi lill-għalliema bil-ħiliet u l-kompetenzi biex ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet marbuta mal-kurrikulu f’ambjent barra mill-klassi.
Skont l-Istitut dan se jinkludi l-ħolqien ta’ ambjenti ta’ tagħlim li jikkumplimentaw il-benefiċċji li jġib miegħu l-fatt li wieħed iqatta’ ħin fin-natura fosthom titjib fis-saħħa fiżika, fil-benesseri emozzjonali, fil-ħiliet personali u soċjali, kif ukoll irawwem sens ta’ responsabilità ambjentali u valuri sostenibbli.
Permezz tat-taħriġ, l-għalliema se jkunu kapaċi juru d-diversi metodi li permezz tagħhom it-tagħlim qrib tan-natura jista’ jservi bħala pjattaforma li tipprovdi valur għall-kompetenzi interpersonali, interkulturali u ċiviċi.