Kors ġdid fl-Università għal min jixtieq isir għalliem

L-Università ta’ Malta se toffri kors ta’ sentejn full-time għal dawk li jixtiequ jsiru għalliema.
Il-kors għall-grad ta’ Master in Teaching and Learning se jkun qed jieħu post il-korsijiet tal-B.Ed (Hons) u l-PGCE) li hemm bħalissa.
L-għan ta’ dan il-kors hu li l-Fakultà tal-Edukazzjoni timpenja għalliema prospettivi fi proċess ta’ prattika u riflessjoni, li jkun marbut mill-qrib mal-bżonnijiet tal-iskejjel tal-lum.  
L-istudenti li jiggradwaw bil-Master in Teaching and Learning (MTL) ikunu eliġibbli li jidħlu fil-professjoni ta’ għalliema u japplikaw għall-Warrant ta’ għalliema. L-istudent ikollu għażla bejn MTL fl-Edukazzjoni Bikrija u Primarja; u MTL fl-Edukazzjoni Medja u Sekondarja.
Applikanti prospettivi li għandhom il-ħsieb ikomplu l-istudji tagħhom biex jilħqu għalliema fl-iskejjel primarji mill-ewwel sas-sitt sena għandu jkollhom lawrja tal-ewwel grad.
Għada fl-4.30pm se ssir laqgħa ta’ informazzjoni f’Gateway Hall A, fl-Università.
 Aktar informazzjoni se tkun aċċessibbli fuq il-websajt tal-Fakultà tal-Edukazzjoni.