Korruzzjoni dwar kuntratt tal-IT f’Mater Dei; mhux ħatja

Żewġ irġiel li ġew akkużat b’korruzzjoni meta ġiet implimentata s-sistema tal-IT fl-Isptar Mater Dei ġew misjuba mhux ħatja fil-Qorti. Dan hekk kif il-Qorti ddeċidiet li l-maniġer tal-proġett għażel l-aħjar prodott li seta’, hekk kif fl-istadju tal-evalwazzjoni minn kumitat, s-sistema instabet li għandha diversi problemi u għalhekk kienet tkun ta’ problema kieku l-Gvern aċċetta l-kuntratt oriġinali.

L-akkużi kienu kontra maniġer tal-proġetti mal-kumpanija MITTS li serva fuq il-kumitat tal-evalwazzjoni, u konsultant tal-Insp SpA consortium li kien qed jikkontendi għat-tender ta’ €30 miljun, u ħadu.

Il-Qorti spjegat li l-każ beda meta kien hemm suspetti minn naħa taċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni, li kien ingħata x-xogħol li jagħżel u jintroduċi sistema tal-IT f’Mater Dei. Dan għaliex dak li rebaħ it-tender oriġinarjament kien eskluż minħabba problemi finanzjarji barra minn Malta.

Il-prosekuzzjoni argumentat li peress li l-konsultant kellu dokumenti tat-tender b’kummenti mill-maniġer tal-proġetti tal-MITTS, is-sigrieti tat-tender kienu ħarġu. Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni wkoll issuspettat li kien hemm korruzzjoni peress li meta ħa t-tender, il-konsultant kien ta fuklar allegatament bħala grazzi tal-assistenza li tah biex jieħu t-tender.

Però, il-Qorti iddeċicidet li m’hemm l-ebda evidenza. Il-fuklar kien mixtri, mhux rigal, u bħala maniġer tal-proġetti fil-kumpanija MITTS, kien xogħlu li jara li dawk li qed jikkuntestaw għat-tender qed jagħmlu dak li staqsa għalih il-Gvern. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda korrispondenza bejn it-tnejn li huma biex joħorġu sigrieti tat-tender.