Korp tal-Pulizija: €193,000 f’direct orders fuq vetturi second hand mingħand aġent wieħed

Bejn April 2013 u Ġunju 2017, il-Korp tal-Pulizzija xtara 29 vettura użata li minnhom 23 inxtraw permezz ta’ “direct order wara sejħa għal offerti” minn għand l-istess aġent – Regina Auto Dealer
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Waqt dibattitu li segwa l-għoti tat-tweġiba fil-Parlament, Dr Azzopardi allega li uffiċjal għoli tal-Korp tal-Puluzija kien qrib is-sid tal-aġent inkwestjoni.
B’kollox intefqu madwar €193,000 fuq vetturi mixtrija minn għand dan l-aġent: 20 mutur BMW 120cc li kienu ilhom fit-triq bejn erba’ u seba’ snin, tow-truck li kien ilu fit-triq 26 sena u żewġ vannijiet Citroen Berlingo li kienu ilhom barra tmien snin.
Id-direct orders għax-xiri tal-muturi ingħataw f’Novembru 2013 u Mejju 2014 u ammontaw għal €85,000 u €91,000 rispettivament. Il-liġi tax-xiri pubbliku in vigore f'dak il-perjodu kienet tistabbilixxi li xiri li jaqbeż l-€6,000 kellu jsir permezz ta’ tender dipartimentali, għalkemm kienet tippermetti li f’ċertu ċirkustanzi ġustifikabbli, bħal f’każ ta’ urġenza, il-Ministeru tal-Finanzi jista’ jagħti eżenzjoni biex tingħata direct order.