Koronut u vempilli fost l-10 kelmiet li ntużaw l-iktar fl-2020

justinks-and-murals-coronavirus-art
Photo: Miguela Xuereb

Hekk kif is-sena 2020 waslet fl-aħħar tlitt ijiem tagħha s-sit kelmakelma mmexxi minn Dr Michael Spagnol, ġabar l-aktar 10 kelmiet li nħolqu jew ħallew marka matul din is-sena. Dawn huma:

1: Imxija

Kelma qadima li din is-sena spiċċat fuq fomm kulħadd. Tfisser passa, marda li tittieħed minn bosta nies. Fi kliem ieħor, epidemija jew, jekk tinfirex wisq, pandemija. F’xi rħula, bħar-Rabat ta’ Malta, tintuża għall-influwenza.

2: Kwarantina

Ġejja mit-Taljan quarantena jew quarantina, erbgħin jum, iż-żmien li x-xwieni kienu jinżammu maqtugħin għalihom biex ma jinfirixx mard jittieħed. Maż-żmien it-tifsira nbidlet u saret tfisser perjodu, twil kemm ikun twil, ta’ iżolament.

3: Vaċċin

Bil-Malti għandna żewġ kelmiet: tilqima mill-Għarbi u vaċċin mit-Taljan vaccino, li ħadha mil-Latin vacca, baqra, għax it-tabib Ingliż Edward Jenner fl-1796 beda jlaqqam lin-nies b’dożi żgħar ta’ mard tal-baqar biex ifejjaqhom.

4: Maskra

Kelma li qanqlet diskussjoni ta’ kull tip: kemm dwar għandhiex u kif għandha tintlibes kif ukoll dwar kif tinkiteb.

5: Tiswobbja

Jaf taraha stramba għax fil-kitba ma tantx tintuża. Imma l-ewwel sena tad-deċennju mal-virus ġabitilna dan il-verb, li għall-infermiera jfisser iddaħħal stikka fl-imnifsejn.

6: Pożittiv

Bħal daż-żmien sena konna nassoċjawha ma’ xi moviment politiku li jistedinna nħarsu lejn il-ħajja b’ottimiżmu. Iżda issa saret l-aktar kelma negattiva tas-sena!

7: Koronut

L-2020 ġabet magħha xi kliem tad-daħk. L-Ingliż tana covidiot, u l-Malti koronut, min jiġi għala biebu, jibqa’ joħroġ u jitħallat man-nies u jkompli jxerred il-virus. “Ja koronut l’hu reġa’ ħareġ!”.

8: Vempila

Hekk kif bosta attivitajiet għamilniehom virtwalment, kellna bżonn kliem ġdid, li jirrifletti din ir-realtà, bħal teleskola u telexogħol jew tiżżumja (tagħmel laqgħa biż-Zoom). Vempila tfisser ċempila bil-filmat, vidjotelefonata.

9: Kemm sabu?

Mhix kelma, veru. Imma m’hemm l-ebda dubju li l-mistoqsija ewlenija tal-2020 kienet “Kemm sabu llum?”, segwita minn “Kemm mietu?”.

10: Xumm pumm

Sas-sena l-oħra ma kellniex għajr ċumm bumm jew ċumm pumm għal ħaġa li tiġri ħabta u sabta, għal għarrieda, ħin bla waqt. Fit-tieni nofs tas-sena żdiedet ix-xumm pumm. U mnalla, għax il-logħob tan-nar u l-festi did-darba xejn ma gawdejniehom!

Kemm-il kelma minn dawn użajt matul l-2020?