Kordin għandu jkun mudell għal istituzzjonijiet oħra – Abela

DOI - Kevin Abela

Il-PM Robert Abela qal li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha tkun mudell għal istituzzjonijiet oħra abbażi ta’ tmexxija u ta’ dixxiplina.

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Abela żar Kordin u rringrazzja lill-uffiċjali korrettivi li ħallew lill-familji tagħhom biex joffru l-ħidma fil-faċilità minħabba l-COVID-19.

Il-Prim Ministru għadda kelma ta’ kuraġġ u tama lir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fejn fisser kif il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin offriet waħda mill-ikbar sfidi fit-tħejjijiet għall-perjodu tal-COVID-19.

“Nammira l-impenn tagħkom biex tħarsu s-sigurtà tal-poplu tagħna. Nappellalkom biex tibqgħu tagħmlu dan b’lealtà u bi professjonalità bħalma dejjem għamiltu,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn