Kor mir-Renju Unit b’kunċert f’Għawdex

Il-kor tat-tfal u ż-żgħażagħ bl-isem ta’ Mount St Mary’s College & Barlborough Hall School Choir, li ġej mir-Renju Unit, għada se jkun qed jieħu sehem f’Kunċert tal-Għid fil-Bażilika tan-Nattività tal-Bambina fix-Xagħra.
Il-kor li huwa taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Lucy Kitchener, u jikkonsisti minn studenti ta’ bejn it-8 u t-18-il sena.
Il-kunċert li se jibda fis-7:30pm qed jiġi organizzat b'kollaborazzjoni sħiħa mal-Kapitlu Bażilika tax-Xagħra, il-Kunsill Lokali tax-Xagħra u l-Fondazzjoni JP2.
Il-kor se jkun qed janima l-Quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Mons. Charles Scicluna nhar il-Ħadd, fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika tal-Ħniena Divina fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina fid-9am.