Filmat: Kor ifakkar lill-Maltin li għandhom spalla fuq xiex jistrieħu

EnKor huwa kor lokali bl-għeruq tal-Gospel imwaqqaf fl-2002 b’membri ta’ etajiet differenti imma li kollha jaqsmu l-istess passjoni għall-mużika.

Il-membri tal-kor mhux qed jiltaqgħu għar-rehearsals bħalissa u għalhekk instabet soluzzjoni li twassalhom biex jiltaqgħu prattikament. Allura, twieldet l-idea li jirrekordjaw kanzunetta Lean on Me bħala tislima lil Bill Withers li ħalliena f’Marzu 2020.

“Ridna wkoll li nżommu l-kor attiv u għaddej matul din is-sitwazzjoni billi nippruvaw niltaqgħu għax huwa diffiċli li nżommu r-rehearsals għaddejjin … għalkemm qegħdin nagħmlu r-rehearsals online u għadna niltaqgħu kull ġimgħa,” qalet Sarah Salafia, id-direttriċi tal-kor lil newsbook.com.mt.

Salafia kompliet tgħid li l-għan tal-kanzunetta kien biex jirringrazzjaw u jħeġġu lil dawk in-nies kollha li qed jipprovdu servizz essenzjali u kontinwu lill-komunità, kemm jekk huma frontliners u kemm jekk le. Qalet li l-messaġġ huwa li jfakkarhom li huma dejjem se jkollhom l-ispalla fuq xiex jistrieħu.

“In-nies fil-vidjow huma l-membri attwali tal-kor u l-membri tal-banda kif ukoll il-kollaboraturi — in-nies li telqu mill-kor iżda għadhom jikkontribwixxu, speċjalment bl-arranġamenti tal-kitba,” spjega Salafia, “Jekk tħobb tkanta, għaliex ma tingħaqadx ma’ EnKor meta tgħaddi l-pandemija? ”

EnKor jista’ jiġi kkuntattjat fuq l-email: enkorchoir@gmail.com jew permezz tal-paġna ta’ Facebook tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn