Kor Għawdxi fi 3 kunċerti fl-Italja

Il-kor Gaulitanus irritorna Malta wara mawra ta’ tliet kunċerti fil-Lombardija fl-Italja bejn id-9 u t-13 ta’ Diċembru.
Waqt din il-ġita, il-kor Għawdxi pparteċipa fi tliet avvenimenti f’postijiet prominenti kemm f’Bergamo kif ukoll f’Milan. Huma animaw quddiesa tat-tieni Ħadd tal-avvent ġewwa l-Katidral storiku ta’ Sant’Alessandro, kunċert ġewwa l-Knisja ta’ Santa Marija Immakulata tal-Grazzji u ieħor ġo santwarju storiku fiċ-ċentru ta’ Milan.
Il-mawra ta’ kunċerti bit-titlu Gloria in Excelsis Deo! Cantando il Natale, ġiet organizzata minn Erina Gambarini, id-direttriċi u fundatriċi tal-Associazione Canticum Novum ta’ Bergamo. Gambarini hija personalità prinċipali fil-qasam tal-mużika korali.
Tul il-mawra ta’ kunċerti, il-kor kanta siltiet minn Zardini, Arcadelt, Mozart, Vivaldi, Melichar, Fettke u bosta oħrajn.
Dan kollu sar bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti bl-użu tal-Export Culture Fund.
Ritratt: Mario Borg