Koppja toffri appartament lil ħaddiem tas-saħħa biex ma jmurx id-dar

appartament

Ħaddiem fil-qasam tas-saħħa kiteb kemm apprezza ġest ta’ karità li għamlet koppja miegħu meta offrewlu appartament tagħhom li jikru biex joqgħod fih, ħalli ma jmurx id-dar u jevita l-periklu li jieħu miegħu xi mikrobi tal-coronavirus id-dar.

Keith Aquilina kiteb fuq Facebook li kien qed jinkwieta fuq din is-sitwazzjoni minħabba l-kundizzjoni ta’ missieru.

Spjega kif il-Maltin qegħdin joffru postijiet vojta li għandhom lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa sabiex dawn iserrħu rashom u jmorru hemmhekk wara ġurnata xogħol fl-isptar minflok ma jmorru mal-familja d-dar. Huwa ngħata prijorità minħabba l-kundizzjoni ta’ missieru. Ħaddiema fl-Isptar Mater Dei ħadu l-inizjattiva li jieħdu ħsieb it-talbiet u jqabbluhom ma’ propjetà potenzjali li qed tiġi offruta.

Aquilina qal li meta daħal fl-appartament li ngħata, intlaqa’ minn riħa ta’ ndafa, u saħansitra sab basket mimli b’xirja li għamlulu u nota ta’ ringrazzjament.

Huwa semma kif Rachel Galea u Dave Meli, li tawh l-appartament, qed jitilfu eluf biex jgħinuh minflok ma jikru l-appartament tagħhom.

Temm jgħid li dawn huma l-eroj tiegħu, għax m’hemmx bżonn li wieħed ikun tabib biex jgħin f’dan iż-żmien ta’ kriżi. Appella lil kull min jista’ jgħin b’xi mod biex jagħmel dan, u qal li jħossu verament kburi li hu Malti meta jara ġesti bħal dawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn