Koppja tikteb blog minn fomm it-tifel li twieled qabel iż-żmien…tilef il-battalja li jgħix wara tliet xhur

Missier u omm kitbu blog mil-lenti tat-tarbija tagħhom li twieldet qabel iż-żmien u li ġġieldet kontra l-mewt biex tipprova tgħix. Huma jirrakkuntaw li din l-esperjenza għenithom jiffaċjaw il-mewt tat-tifel tagħhom.

Tyler u Mandy Stout minn Utah, l-Istati Uniti, bdew jiktbu r-rakkont ta’ ħajjet binhom Marshall tliet ijiem wara li twieled ta’ 27 ġimgħa. Dan sabiex jinfurmaw lill-familja u l-qraba tagħhom bil-progress fis-saħħa ta’ binhom. L-iktar parti diffiċli waslet tliet xhur wara, fl-4 ta’ Marzu li għadda, meta l-ġenituri kellhom jiktbu l-aħħar erba’ kelmiet f’isem binhom meta qalbu waqfet tħabbat:

‘Neħħewni minn mal-magni u poġġew il-ġisem fraġli tiegħi fi driegħ ommi.’ Hekk tgħid parti mill-aħħar kitbiet tal-koppja Stout. ‘Il-ġenituri tiegħi kienu mkissrin. Anke l-infermiera u t-tobba. Għamilt li stajt biex nikkonslahom…nispera li ndunaw bija.’ 'Żgur se nimmissjakom kollha! Se nkun qed nieħu ħsiebkom…Din id-Dar hija bil-wisq aħjar!’

L-omm u l-missier qalu li l-fatt li kitbu pass pass dak li kien għaddej minnu binhom għenhom jiffaċċjaw it-telfa tiegħu wara biss tliet xhur minn meta twieled.