Koppja tiftaħ protest ġudizzjarju minħabba l-inbiħ tal-klieb

Koppja minn Santa Venera ma felħux aktar għall-inbiħ ta’ madwar 20 kelb ġej mir-residenza tal-ġar. Għalhekk fetħu protest ġudizzjarju biex forsi jkunu jistgħu igawdu xi ftit ħin għall-kwiet. Il-koppja qalet li l-ġar tagħhom beda negozju billi beda jieħu ħsieb l-annimali ta’ ħaddieħor f’daru.

Huma qalu li l-annimali l-kbar kienu qed jinżammu fuq il-bejt, mentri dawk żgħar inżammu ġewwa fil-maisonette. Dan fisser li l-ġara kellhom joqgħodu għall-inbiħ tal-klieb u ma setgħux jiftħu mqar tieqa minħabba li kien hemm wisq storbju. Il-koppja qalu fil-qorti li xi drabi sabu xi klieb li ma kinux familjari magħhom, jiġru mas-saqajn fil-parti komuni ta’ fejn jgħixu, u li l-istess post kien maħmuġ bil-ħmiex tal-klieb stess. Minħabba f’hekk, il-koppja qalet li kellha tirrikorri għall-kura medika kontra xi riskju ta’ infezzjoni.

Fil-protesta li fetħu kontra d-direttur tal-Animal Welfare, il-koppja qalet li s-sitwazzjoni hija intollerabli u li d-direttur ġie mqarraq jemmen li l-attività kummerċjali mhux liċenzjata ma kellhiex bżonn ta’ permess biex topera peress li kien qed jiġi offrut bħala servizz. Id-direttur kien spezzjona l-post u ddikjara li kien nadif, iżda m’għamel xejn biex iwaqqaf l-attività.

Il-koppja provdew numru ta’ ritratti biex isostnu l-protest li fetħu. Huma għamlu talba lid-direttur tal-Animal Welfare biex iwaqqaf immdejatament din l-attività li sejħulha illegali u abbużiwa.