Koppja tiċħad li mexxiet burdell fil-Gżira

Il-koppja Theresa Cutajar ta’ 60 sena u Mohamed ta’ 25 sena, inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja talli mexxew burdell f’appartament fi Triq Testaferrata fil-Gżira.
Jason Azzopardi, li qed jirrapreżenta lill-akkużati qal li l-koppja kienu qed jiġu mhedda minn raġel ieħor li jmexxi attivitajiet illegali bħal dawn.
Il-każ spiċċa l-Qorti wara li l-pulizija ġew infurmati minn sid l-appartament li kien hemm possibilità li kienet għaddejja attività illegali.
Wara tfittxija li saret fl-appartament lura fis-7 t’Awwissu li għadda, il-pulizija sabet għadd kbir ta’ kontraċettivi, wipes, ilbies tan-nisa u qliezet ta’ taħt.
Waqt l-interogazzjoni, Theresa Cutajar qalet li l-kontraċettivi ngħataw lilha seba’ snin ilu. Iżda l-ispettur Jason Sultana qal li fuq il-kontraċettivi kien hemm miktub li ġew immanifatturati fis-sena 2012.
L-istess Spettur qal li l-koppja kienet qed tikri appartament ieħor li ukoll allegatament intuża għal burdell. Żied jgħid li l-koppja ma kkoperatx waqt l-interrogazzjoni.