Koppja Maltija tissemma waqt is-Sinodu fil-Vatikan

Waqt intervent fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja, il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, il-Kardinal Angelo Amato rrefera għall-koppja Maltija – Henry u Ineż Casolani – u qal li dawn għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. 
F'dan il-kuntest, il-Kardinal Amato rrefera b’mod speċifiku għal Malta.
Dan żvelaħ l-Isqof Mario Grech fil-blog tiegħu fuq Newsbook.com.mt.
Bħala President tal-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqof Grech qed jattendi għal dan is-Sinodu li qed isir bħalissa fil-Vatikan.
Il-Papa Franġisku qed ikun preżenti għal-laqgħat kollha li qed isiru kuljum u li bdew nhar it-Tnejn li għadda u jkomplu matul il-ġimgħa li ġejja.
Fil-blog, l-Isqof Grech spjega kif fl-intervent tiegħu l-Kardinal Angelo Amato kien qed isemmi koppji li għandhom il-kawża għall-kanoniżazzjoni.
Kien hawnhekk li semma lill-koppja Maltija Henry u Ineż Casolani fejn qal li fid-dettall ta’ ħajjithom, dawn ippruvaw jagħmlu kollox sew b'imħabba kbira lejn Alla u lejn il-proxxmu. Ineż Casolani mietet fl-1992 filwaqt li żewġha Henry miet fl-1999.
F’dan il-każ għad m’hemmx proċess ta' kanoniżazzjoni, iżda saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.
Fl-istess blog fuq Newsbook.com.mt, l-Isqof Grech juri nuqqas ta' qbil mal-Kardinal Angelo Amato u jgħid li huwa konvint li f’pajjiżna kellna u għandna għadd kbir ta’ ġenituri li jistgħu jiġu ddikjarati qaddisin.