Koppja Maltija Awstraljana jmutu bil-coronavirus

Read in English.

Koppja Maltija Awstraljana li ħallew Malta fiż-żogħżija tagħhom mietu ftit sigħat ‘il bogħod minn xulxin kawża tal-coronavirus. Dan ġie rrappurtat fil-midja Awtraljana fis-sigħat li għaddew fejn ingħad li huma mietu 31 siegħa ‘il bogħod minn xulxin.

Carmen u Charles Micallef għexu għal snin twal flimkien qabel ma ddivorzjaw. Huma kienu joqogħdu f’Melbourne fl-istat ta’ Victoria li l-Ħadd li għadda ddikkjara “stat ta’ diżastru” minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19.

Carmen, li kellha 92 sena, mietet il-Ħadd filgħaxija f’dar tal-anzjani f’Melbourne filwaqt li Charles li kellu 87 sena miet fl-isptar rjali ta’ Melbourne it-Tlieta filgħodu.

Mal-Herald Sun, binhom Frank iddeskriva l-esperjenza bħala ħolma kerha u appella lir-residenti f’Victoria biex jaġixxu b’mod responsabbli quddiem dan il-virus qerriedi. Huwa qal li dan il-virus “joqtol lill-vulnerabbli u jeqred il-familji tagħhom”.

Stqarr ukoll li r-restrizzjonijiet f’dan l-istat kienu ftit wisq u tard wisq.