“Koppja ma tistax issolvi l-problemi bil-vjolenza”; Raġel jinżamm arrestat

Raġel ta’ 48 sena nżamm arrestat wara li mar fir-residenza tal-mara tiegħu, ħmistax wara li l-Qorti ordnatlu biex ma jersaqx lejha.
Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li attakk fuq persuna fid-dar tagħha huwa attakk fuq is-soċjetà u li l-Qorti trid tibgħat messaġġ li koppja ma tistax ssolvi l-problemi tagħha bil-vjolenza.
Ir-raġel tressaq il-Qorti dalgħodu akkużat mill-ġdid bi vjolenza domestika.
Huwa jinsab akkużat li hedded u insulta lil martu, li kisser il-bieb tad-dar tagħha u li kiser ordni ta’ protezzjoni li l-Qorti ordnat għal martu fis-27 ta’ Novembru li għadda.
Ħmistax ilu l-Qorti ordnat li r-raġel jingħata trattament biex ikun jista’ jikkontrolla r-rabja tiegħu.
Ir-raġel ġie arrestat ftit tas-sigħat wara meta mar fil-ħanut ta’ bintu.
L-avukat tiegħu saħaq li l-uniku prova li teżisti huwa r-rappport tal-mara u talab lill-Qorti l-ħelsien mill-arrest għax argumenta li hemm “ftit ċans” li se jerġa’ jersaq lejha.
Iżda l-Maġistrat ma laqax din it-talba.