Koppja Ingliża jkollha ssib post ieħor fejn tiżżewweġ minħabba l-film ta’ Jolie f’Għawdex

Kienu ħafna li ferħu bl-aħbar li l-koppja Amerikana Angelina Jolie u Brad Pitt kienet se tqatta’ diversi ġimgħat f’Għawdex biex tkun tista’ tiġbed film ġdid.
Iżda ma nistgħux ngħidu l-istess għall-Ingliżi Maria Arpa u David Ellis, li kienu se jagħmlu l-festin tat-tieġ f’Imġarr ix-Xini fl-istess żmien li l-bajja suppost se tkun magħluqa minħabba l-film.
Fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Brad Pitt, Mara, li għandha ġenituri Maltin, kitbet li ““Huwa ironiku kif il-film ta’ Jolie, li se jkun dwar storja ta’ mħabba, rnexxielu jħarbat il-pjani tat-tieġ”.
Mara kompliet tgħid li t-tieġ kien ibbukkjat għall-4 ta’ Ottubru li ġej  u ilhom għaddejjin bil-preparamenti mill-bidu tas-sena.  Dak iż-żmien il-Kunsill Lokali ta’ Sannat ma kien sab l-ebda oġġezzjoni u għalhekk laħqu stiednu u qalu lil kulħadd bit-tieġ.
Mara saret taf li t-tieġ ma jistax isir fil-bajja mingħand il-kumpanija tal-ikel wara li l-Kunsill Lokali qallhom li l-bajja se tkun magħluqa.  
Għalkemm wisq probabbli l-koppja Brangelina ma tafx li l-film ħassar tieġ, Maria xorta waħda tixtieq li l-atturi jsiru jafu b'li ġralhom u qed titlob lil kull min qiegħed fuq Facebook biex jagħmel share tal-messaġġ tagħha, forsi Angelina Jolie u Brad Pitt, iħalluhom jiċċelebraw it-tieġ tagħhom bil-kwiet.
Il-ġbid tal-film se jibda lejn l-aħħar ta' Awwissu, se jdum għaddej madwar 8 ġimgħat u mistenni jitfa' madwar €20 miljun fl-ekonomija Għawdxija.  Bħalissa f’Imġarr ix-Xini qed isiru l-arranġamenti kollha biex kollox ikun f'postu għal meta se jibda l-iffilmjar.