Aġġornata (2): Raġel arrestat wara li attakka koppja b’ġebla fix-Xagħra

CMRU

Read in English.

Raġel ġie arrestat wara li koppja sfat attakkata u misruqa fi triqitha lejn darha fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu fix-Xagħra.

Il-każ seħħ dalgħodu għall-4am fi Triq Bullara. Il-Ħadd waranofsinhar, kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li raġel barrani ta’ 29 sena ġie arrestat b’rabta mal-inċident.

Il-Pulizija kkonfermat l-istorja u qalet li fuq il-post waslu l-pulizija mill-għassa tar-Rabat flimkien ma’ ambulanza b’tim mediku. Il-koppja Ingliża, raġel ta’ 58 sena u mara ta’ 55 sena, ttieħdet l-isptar.

Il-pulizija qalet ukoll li l-aggressur ħarab minn fuq il-post wara li seraq xi deheb minn fuq il-mara.

Rapporti fil-mezzi tax-xandir qed jgħidu li żewġ persuni attakkaw lil din il-koppja bil-għan li jisirquhom, iżda imbagħad wieħed mill-aggressuri beda jsabbat ras il-mara ma’ karozza li kienet ipparkjata fl-istess triq. Skont stqarrija maħruġa mill-Pulizija, l-Ingliżi ġew aggrediti minn persuna b’ġebla.

Il-mara kellha tiddaħħal b’mod urġenti l-isptar biex tagħmel operazzjoni f’rasha. Hi spiċċat f’feriti gravi filwaqt li r-raġel weġġa’ ħafif.

Triq Bullara ngħalqet għat-traffiku għal xi ħin peress li l-pulizija qed jippruvaw jevalwaw xi filmati tas-sigurta li hemm fil-qrib.