Koppja l-qorti wara li serqet 40kg ramel minn Sardinja

Google Maps

Koppja Franċiża jaf ikollha tiskonta sentenza ta’ massimu sitt snin ħabs wara li nqabdu b’pussess ta’ 40kg ramel li ġabru minn bajja f’Sardinja. Il-koppja qalet li kienu se jieħdu r-ramel magħhom bħala memorja tal-post u ma rrealizzawx li kienet kontra l-liġi.

Ir-ramel ittieħed mill-bajja ta’ Chia, li qegħda fin-nofsinhar tal-gżira u tpoġġa fi fliexken tal-plastik. Il-fliexken instabu fil-but tal-karozza tal-koppja mill-pulizija waqt li kienu se jitilgħu il-vapur biex imorru lura fi Franza.

L-aġenzija Taljana tal-aħbarijiet Ansa qalet li l-koppja qed tkun akkużata b’serq ta’ assi allokati għall-użu pubbliku. Sa mill-2017, li jittieħed ir-ramel minn Sardinja sar kontra l-liġi. L-awtoritajiet ta’ Sardinja saru aktar ħorox kontra t-turisti li jippruva jieħdu r-ramel tal-ġżira bħala tifkira tal-post.