Koppja bid-Down Syndrome jiċċelebraw 24 sena miżżewġa

Ritratt: Facebook/MaryanneAndTommy

Meta 24 sena ilu Maryanne u Tommy kienu żżewġu F’Essex fl-Ingilterra, bosta kienu dawk li kienu xettiċi. Ħafna wkoll kienu li kkritikawhom. Kif jista’ jkun li żewġ min-nies li għandhom id-Down Syndrome, ikunu kapaċi jieħdu ħsieb lil xulxin?

Iżda dak li għal ħafna kien impossibbli jew anki “ċajta” għal Maryanne u Tommy dan kien pass importanti f’ħajjithom, u wisq aktar minn hekk, illum il-ġurnata taw risposta lil dawk kollha li ħasbu li mhux se jkunu kapaċi jkollhom żwieġ b’saħħtu.

Ritratt: Facebook/MaryanneAndTommy

Meta huma kienu żżewġu, kienu l-ewwel koppja bid-Down Syndrome li fir-Renju Unit kienu għamlu dan il-pass. Il-kritika lejhom kienet ħarxa immens.

Huma ltaqgħu fl-1991 u sena u nofs wara Tommy ried li jipproponi lil Maryanne. Ma kellux flus u xtara ċurkett tal-plastik. Meta saret taf bl-intenzjonijiet tiegħu, omm Maryanne għenitu jixtri ċurkett lil bintha.

Ritratt meħud fil-ġurnata tal-għerusija. Ritratt: Facebook/MaryanneAndTommy

Tommy u Maryanne kienu tħarsu u wara anki żżewġu. Għandhom id-dar tagħhom għalkemm Linda. omm Maryanne, tgħix bieb ma’ bieb magħhom biex tkun tista’ tkun ta’ għajnuna f’każ li jkollhom bżonn.

Ritratt: Facebook/MaryanneAndTommy

Il-koppja għandhom segwitu kbir fuq il-midja soċjali u huma meqjusa li huma ta’ inspirazzjoni għal ħafna nies madwar id-dinja li jsegwu l-istorja tagħhom.

Tommy u Maryanne, minkejja l-limitazzjonijeit tagħhom, dejjem jagħtu parir siewi lil kulħadd, dik li l-koppji jkunu onesti ma’ xulxin u jqattgħu kemm jista’ jkun ħin flimkien.