Koppja b’5 itfal trabbi 3 oħra ta’ ġara li mietet bil-kanċer

Koppja Amerikana spiċċat trabbi tlett tfal oħra, mal-ħamest itfal tagħha hekk kif il-ġara tagħhom mietet ħabta u sabta b’kanċer terminali.
Minkejja li t-testijiet sabu li kien għad fadlilha sena ħajja, Audrey, single mother ta’ tlieta, mietet ftit tal-ġimgħat biss wara li rċeviet ir-riżultat.
Tisha u żewġha ħadu ħsieb it-tfal waqt li Audrey kienet l-isptar u dan wassal sabiex Audrey tkellem lil Tisha biex issir il-gwardjana legali ta’ wliedha wara mewtha.
Minkejja li huma qatt ma kienu ħbieb kbar minħabba li ma tantx kellhom ċans isiru jafu lil xulxin aħjar, Tisha qalet kif wara li esperjenzat djar tal-fostering differenti meta kienet iżgħar, ma riditx li dawn it-tfal jgħaddu mill-istess esperjenzi koroh.
Għalhekk laqgħethom f’darha minkejja n-nuqqas ta’ spazju u finanzi.
Tisha u r-raġel tagħha ġew innominati minn diversi persuni sabiex programm Amerikan jirrinovalhom id-dar sabiex ikollom dak kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu jkunu foster parents legali tat-tlett itfal.
Bosta familji u ħbieb ingħaqdu sabiex jaċċertaw li l-familja tingħata dak kollu meħtieġ. Xi wħud taw xi għamara u oħrajn ġabru xi fondi.
Huma ngħataw ukoll karozza li ġiet sponsorjata minn kumpanija tal-karozzi Amerikana u tesa’ 12-il persuna. Supermarket ukoll ħass li seta’ jgħin lil familja u se jkun qed jipprovdilhom prodotti b’xejn għal sena sħiħa.