Koppja akkużati b’ħasil tal-flus wara li fallew milli jiddikjaraw id-dħul sħiħ

Budget2021_Money
Miguela Xuereb

Read in English.

Koppja kienet akkużata b’ħasil tal-flus wara investigazzjonijiet żvelaw li ma kinux qed jiddikkjaraw id-dħul sħiħ tagħhom. Il-koppja kienet akkużata mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq illum.

Raġel ta’ 35 sena li m’għandhux impjieg u martu ta’ 34 sena li taħdem bħala hairdresser qed jaffaċċjaw akkużi ta’ ħasil ta’ flus wara li fallew milli jiddikjaraw id-dħul sħiħ.

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel kien qed jaħdem bħala għalliem tas-sewqan mingħajr ma kellu liċenzja.

L-Ispettur tal-Pulizija Oriana Spiteri qalet fil-Qorti li l-pulizija saret taf dwar dak li kienet qed tagħmel il-koppja wara li l-mara ddepożitat ċekk ta’ €11,000 kull xahar, u r-raġel ukoll għamel depożiti notevoli.

Il-pulizija kkonfermat li ma kienx hemm flus li kienu ġejjin minn attivitajiet kriminali bħal traffikar ta’ droga, prostituzzjoni, traffikar ta’ armi u attivitajiet kriminali. Il-pulizija lanqas ma sabet traċċi ta’ droga fit-tfittxijiet.

L-Ispettur tal-Pulizija qalet fil-Qorti li l-koppja kienu qed jitressqu l-Qorti għax fallew milli jiddikkjaraw id-dħul tagħhom.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest f’isem il-klijenti tagħha.

L-avukat Franco Debono, li qed jidher għall-akkużati nnota li d-dħul mhux iddikkjarat seta’ ġie indirizzat b’mod amministrattiv mill-awtoritajiet tat-taxxa.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huma kienu ordnati jiffirmaw il-bail book darba fil-ġimgħa.

L-Ispetturi Claire Borg, Keith Mallan u Danilo Francalanza mexxew il-prosekuzzjoni. Dr Andrea Zammit deher għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Intant, l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jidhru f’isem l-akkużati.