“Konvint li se taħdmu għal istituzzjonijiet aktar serji” – appell lill-gradwati

Graduates of the University

Dr Mario Thomas Vassallo, lekċerer fil-Fakultà tal-Ekonomija, Maniġment u Accountancy fl-Università ta’ Malta, stqarr li jinsab konvint li l-gradwati ġodda għandhom il-kredenzjali kollha biex jagħmlu bidla għall-aħjar, fost l-oħrajn biex il-pajjiż ikollu istituzzjonijiet aktar serji.

Waqt l-Orazzjoni Akkademika fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ 110 studenti li kisbu Masters fl-Accountancy jew Dottorat fil-Filosofija, Dr Vassallo rrimarka li għandhom jaħdmu għal bidla għal sistemi regolatorji aktar ġusti u effettivi, għar-rispett lejn il-liġi li ma tħares lejn wiċċ ħadd u postijiet tax-xogħol li jittrattaw lil kull ħaddiem b’dinjità.

“Il-poplu jaf ixomm ir-riħa tal-korruzzjoni”

Dr Vassallo irrimarka li l-istorja wriet li l-poplu mhux veru lluppjat u jaf ixomm ir-riħa tal-korruzzjoni, u  jinduna b’min qed jisserva bih minflok iservih.  Stqarr li għandu tama li l-gradwati l-ġodda jgħinu biex terġa’ titnissel il-fiduċja tan-nies fl-awtoritajiet.  Żied jgħid li għandu wkoll entużjażmu biex jara li l-elit ikunu verament il-gwardjani tas-soċjetà, l-għarriexa tal-verità u l-bennejja tas-sewwa.

“Użaw l-għerf biex tirriformaw l-istrutturi, il-proċessi u l-attitudni”

Appella lill-gradwati ġodda biex meta jirfsu l-għatba tal-establishment li se jħaddimhom, ma jħallux mal-bieb ta’ barra, l-ideali, il-ħolm, l-aspirazzjonijiet, it-tagħlim u l-prinċipji li ħmew matul is-snin. Ħeġġiġhom biex jużaw l-għerf li għandhom biex jirriformaw l-istrutturi, il-proċessi u l-attitudni ta’ dawk li jridu jaħdmu magħhom.

“Mhux veru li qed nipproduċu teknokratiċi bla ruħ”

Dr Mario Thomas Vassallo temm id-diskors tiegħu billi insista li mhux minnu li mill-Kampus tal-Università ta’ Malta “qed nipproduċu teknokratiċi bla ruħ, esperti bla kuxjenza soċjali, professjonisti relattivi li ma jagħżlux bejn it-tajjeb u l-ħażin, u speċjalisti b’abbilità intelletwalli imma bla etika u moralità”.