Konverżjonijiet fil-ħabs

Konverżjonijiet ħabs Yaounde
Delegazzjoni żżur il-ħabs f'Yaoande

Sr Orencya, taħdem għall-Knisja fil-Cameroon. Sa mill-2009 ilha taħdem bħala kappillan ta’ ħabs.  Hi żżur lill-priġunieri darbtejn fil-ġimgħa fil-ħabs ċentrali ta’ Bafoussam f’Yauande  li fih hemm taqsima tan-nisa, taqsima tal-irġiel adulti u oħra għaż-żgħażagħ, b’kollox madwar 1,000 priġunier.

Fl-aħħar 20 sena f’dan il-ħabs kien hemm komunità nisranija li għandha kappillan, voluntiera mill-Assoċjazzjoni tal-Ġustizzja u Paċi, novizzi tal-Patrijiet Saverjani, din is-soru u katekisti magħżula minn fost il-priġunieri nfushom, biex jieħdu ħsiebhom.

Barra milli jisimgħu l-ilmenti tal-priġunieri u joffrulhom għajnuna materjali bħal mediċini, ħwejjeġ u ikel, jorganiżżawlhom laqgħat ta’ talb, katakeżi u quddies.

Is-sena li għaddiet kienet rinnovata l-kappella tal-ħabs. Ħafna priġunieri wrew ir-rikonoxximent tagħhom b’diversi ittri u noti fosthom

“Bdiltulna l-kappella f’ġenna”; ħafna priġunieri kkonvertew u ħafna li ma kienux jiġu l-knisja issa jkunu l-ewwel li jaslu fil-kappella nhar ta’ Ħadd. Bl-azzjoni tagħkom ġbidtu erwieħ li huma reżoluti li jinbidlu u jitgħammdu.”

“Kif Alla qatt ma jabbanduna lil uliedu meta jitoluh l-għajnuna, issa bagħat anħlu fostna – lil Sr. Oencya li tisma’ l-krib tagħna u tgħaddih. Grazzi għal kull ma tagħmlu magħna l-priġunieri. Ħafna priġunieri kkonvertew għax il-ħajja u l-ambjent fil-ħabs inbidlu għall-aħjar. Ħafna jmorru l-klassijiet tal-katekiżmu jew huma parti fi gruppi ta’ talb fil-komunità tagħna. Bl-għajnuna kbira tagħkom fhimna li m’aħniex abbandunati minkejja l-ħtijiet tagħna u Alla hu dejjem magħna. Grazzi lil Alla u lilkom, inqisni bniedem ferħan u qed ngħix maqful fil-paċi, il-ferħ u l-imħabba t’Alla.”

“Il-Mulej ħallieni nidħol f’dan il-ħabs biex insir nafu. Barra għext ħajja xellerata. F’dan il-ħabs qiegħed fit-triq tal-konverżjoni u bdilt radikalment il-mod kif naħseb. Dan kollu grazzi għal Alla u permezz tagħkom nagħraf il-manifestazzjoni tal-imħabba tiegħu f’ħajti.”

Il-patrun ta’ din il-komunità nisranija fil-ħabs għandha bħala patrun lil Marcel Callo. Fi kliem il-kappillan tal-ħabs, Marcel Callo kien deportat mill-Gestapo għal kamp ta’ konċentrament fil-Ġermanja sempliċement għaliex kien nisrani.  Miet fil-kamp fl-età ta’ 23 sena. Kemm dam maqful iddedika ħinu biex jgħin lil sħabu detenuti.

“Illum, f’mixja wara Kristu, permezz tat-talb ta’ kuljum, ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi u l-katakeżi, il-komunità ta’ Marcel Callo qed tkompli x-xogħol ta’ evanġeliżazzjoni fil-ħabs. Dan l-ambjent ġieb ferħ lil kulħadd,” qal il-kappillan.