Kontroversja fir-Russja wara li 3 tfajliet qatlu lil missierhom li kien jabbużahom

F’Lulju tal-2018 tliet aħwa tfajliet qatlu lil missierhom b’daqqiet ta’ sikkina waqt li kien rieqed f’appartament f’Moska. L-investigaturi kienu kkonfermaw li l-missier kien għamel snin twal jabbuża lit-tliet uliedu fiżikament u psikoloġikament.

Huma ġew akkużati bi qtil u jinsabu l-ħabs, iżda mat-300,000 persuna ffirmaw petizzjoni li qed titlob għall-ħelsien tagħhom.

Il-każ kien seħħ lura fis-27 ta’ Lulju tal-2018 meta Mikhail Khachaturyan ta’ 57 sena talab lil uliedu Krestina, Angelina u Maria, li kienet minuri, sabiex imorru fil-kamra tiegħu waħda waħda. Hu rrabja magħhom talli ma naddfux l-appartament u aggredihom b’gass tad-dmugħ f’wiċċhom. Ftit wara, meta raqad, il-bniet attakkawh b’sikkina, martell u l-gass tad-dmugħ. Huma kkawżawlu ġrieħi fatali f’għoqnu, rasu u sidru. Kien instab li kellu mat-30 daqqa ta’ sikkina.

It-tfajliet imbagħad kienu ċemplu l-Pulizija u ġew arrestati fuq il-post. L-investigazzjoni wara skopriet l-istorja estensiva ta’ vjolenza li minnha għaddew it-tliet tfajliet fi żmien tliet snin fejn kienu jiġu ttorturati, miżmuma bħala priġunieri f’darhom u anke kienu jiġu abbużati sesswalment.

Il-każ qajjem dibattitu sħiħ fir-Russja fejn attivisti għad-drittijiet umani argumentaw li dawn it-tfajliet mhumiex kriminali imma vittmi li ma kellhom l-ebda mod kif setgħu isibu għajnuna jew protezzjoni mill-missier abbużiv. Fir-Russja, ma hemmx liġijiet li jipproteġu vittmi ta’ vjolenza domestika.

Omm it-tliet tfajliet, li wkoll kienet vittma tar-raġel, fil-passat kienet għamlet rapporti mal-Pulizija. Kienu għamlu rapporti wkoll ġirien tal-familja li kienu jibżgħu minnu. Minkejja dan il-Pulizija qatt ma ħadet azzjoni. Fiż-żmien tal-qtil, l-omm ma kinitx qed tgħix mal-familja u l-missier ma kienx iħalli lil uliedu jagħmlu kuntatt magħha.