Kontroversja fil-Belt fuq l-iskema tal-parkeġġi

Tinħoloq kontroversja wara d-dikjarazzjoni tal-Ministru għat-Trasport, Joe Mizzi li l-iskema tal-parkeġġi jistgħu jieqfu fil-lokalitajiet madwar Malta minħabba li mhux qed iħallu r-riżultat mixtieq.

Filwaqt li hawn Maltin li jaqblu li l-iskema mhix tajba hawn ukoll oħra li jridu li l-iskema tal-parkeġġi tibqa’ fis-seħħ.

Fost dawn, il-Kunsilliera Nazzjonalisti fil-Belt Valletta b’mod speċjali s-Sindku Alexei Dingli u l-Viċi Sindku Christian Micallef.

Fuq Facebook, Micallef sostna li matul il-laqgħat li saru bejn il-Kunsill Lokali u l-Ministru qatt ma ssemma li l-iskema tal-perkeġġ residenzjali fil-Belt kienet se titneħħa.

Micallef u Dingli sostnew li l-Ministru Mizzi se jsib quddiemu ‘ħajt’ mill-Kunsilliera Nazzjonalista jekk jagħżel li jkompli bit-tneħħija tal-parkeġġi residenzjali fil-Belt Valletta.

Matul dawn ġimgħat, kontroversja oħra dwar il-parkeġġi nqalgħet f’Tas-Sliema, meta l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf lill-Kunsilli milli jkompli bl-introduzzjoni tal-iskema wara li l-ilmenti li rċieva.

F’San Pawl il-Baħar ukoll skema tal-parkeġġi residenzjali twaqfet milli tidħol fis-seħħ.

Dwar il-parkeġġi, il-Ministru Mizzi qal li Trasport Malta qed twettaq studji biex jiġi determinat fl-aħjar mod u tinstab soluzzjoni għall-iskema.