Kontroversja dwar it-tneħħija tal-kelma “Easter”

Il-Prim Ministru Ingliża, Theresa May, ikkritikat lin-National Trust tal-Ingilterra wara li din neħħiet il-kelma “Easter” mill-avveniment annwali ta’ żmien il-Għid li kienet magħrufa bħala Easter Egg Hunt. Hi sejħet din id-deċiżjoni bħala waħda “assolutament redikola”.
Min-naħa tagħha il-kumpannija Cadbury, produttur famuż taċ-ċikkulata qalet li għall-ewwel darba f’għaxar snin iddeċidiet li tneħħi il-kelma “Għid” mit-titlu ta’ din il-manifestazzjoni li ssir madwar il-pajjiż kollu, biex tappella għal nies ta’ twemmin differenti u anke ghal dawk li ma jemmnu f’xejn.
Waqt żjara fl-Arabja Sawdita, Theresa May li hi ta’ fidi Anglikana, qalet li għaliha l-Għid hu importanti ħafna u ma tistax tifhem x’wassal għal din id-deċiżjoni. Qalet li hi membru tan-National Trust ukoll u ma tafx x’kien il-ħsieb wara t-tneħħija.
L-Għid hi festa importanti għall-insara u għal miljuni ta’ persuni madwar id-dinja u għalhekk dak li għamlet in-National Trust hi redikola. It-Trust sostniet li bl-ebda mod ma riedet tnaqqas mis-sinjifikat tal-Għid u kienet il-kumpannija Cadbury li huma responsabbli mill-isem ta’ din il-kampanja.
Membru Parlamentari Laburista Ingliż, li hu Kattoliku qal li l-kritika ta’ Theresa May hi bla sens u tiżvaluta l-kristjaneżmu fl-Ingilterra. Sostna li Kristu mhux se jieħu għalih għax tneħħiet il-kelma “Easter” minn din il-kampanja. Qal li l-Knisja għandha tiffoka fuq is-sinjifikat veru tal-Għid u l-Prim Ministru tikkonċentra fuq it-tmexxija tal-pajjiż.
Id-Direttur tal-Jesuits Refugee Services fl-Ingilterra, Sarah Teather, li sa ftit żmien ilu kienet membru tal-House of Commons qalet li filwaqt li l-Prim Ministru Theresa May qed iżżur pajjiż li jipprattika t-tortura biex tbiegħlu l-armamenti, qed tikkritika lin-National Trust għax neħħiet ir-riferenza għall-Kristjaneżmu. Din hi viżjoni żbaljata tal-fidi għax bażata biss fuq tradizzjoni u tikketti, mingħajr ebda rispett għall-ħajja umana.