“Kontra l-Kostituzzjoni li l-MPs jaħdmu mal-Gvern”

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Istandards qal li l-membri parlamentari kollha fuq in-naħa tal-Gvern huma impjegati tal-Gvern u li dan imur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Il-Kostituzzjoni tgħid li l-MPs ma għandhomx ikollhom introjtu mill-Gvern barra d-dħul tar-remunerazzjoni parlamentari apparti xi eċċezzjonijiet żgħar li ssemmi l-liġi, qal Dr Hyzler.

Aqra: “Fundamentalment ħażin” li MPs jingħataw xogħol mal-Gvern – Il-Kummissarju Hyzler

Hyzler kien qed jitkellem ma’ Fr. Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour is-Sibt filgħodu fuq l-istazzjon tar-radju 103, Malta’s Heart.

Dr Hyzler qal li jidher li l-għan tal-Gvern f’dan il-każ huwa li jikkumpensa lill-membri parlamentari għal introjtu li għandhom mill-Parlament li jitqies li huwa baxx. Huwa qal li l-Gvern qed jipprova jindirizza din il-problema b’soluzzjoni ħażina u li tmur kontra dak li jridu n-nies u li titlob il-Kostituzzjoni. Barra li dan imur kontra l-Kostituzzjoni huwa kkonferma li dan ipoġġi l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni fi żvantaġġ.

Kompla li fir-rapport tiegħu, hu offra soluzzjoni oħra dik li tagħti għażla lill-membri parlamentari li jsiru full-time jew li jżommu l-impjieġ privat tagħhom u jibqgħu jitħallsu l-onorarja parlamentari.

Il-kummissarju spjega li b’daqshekk hu ma jridx jagħti l-impressjoni li jaqbel li l-parlamentari jsiru kollha full-time.

Hu qal li r-rapport tiegħu ma jorbotx lill-Gvern jew lill-istituzzjoniet Maltin l-oħra. Jifhem li proposti tiegħu jistgħu jaqgħu fuq widnejn torox kif ġieli jiġri bil-każijiet kostituzzjonali fejn il-gvern jappella mis-sentenzi li ngħataw.

“In-nies jippretendu li l-politiċi jagħtu kont ta’ għemilhom”

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler qal li n-nies jippretendu li l-politiċi jagħtu kont ta’ għemilhom u li hu qed jaħdem biex dan iseħħ aktar.

Huwa qal li huwa telaq il-professjoni legali u qed jiddedika l-ħin tiegħu kollha biex jgħin ħalli jgħolew l-istandards fil-ħajja pubblika. Huwa jilqa’ protesti li jsiru kontra l-Prim Ministru, l-Ministri, l-Membri Parlamentari u l-persuni ta’ fiduċja (persons of trust) li issa huma obbligati b’Kodiċi ta’ Etika.

Dr Hyzler enfasizza li huwa, barra li jimxi fuq il-liġi, jimxi wkoll fuq l-etika u l-imġieba xierqa.

Il-Kummissarju qal li r-regola hija li r-rapporti tiegħu ikunu pubblici. Żied jgħid li meta f’rapport tiegħu isib ħtija f’xi membru Parlamentari l-Membri il-Kumitat Parlamentari  dwar standards ma jridux li huwa jippubblika dawn ir-rapporti qabel ma jkunu rawhom huma. Dr Hyzler qal li huwa qed jitlob li dan jinbidel

Xogħol li qed isir

Huwa qal li bħalissa l-uffiċċju tiegħu qed jaħdem fuq regoli dwar lobbying, użu tar-riżorsi pubbliċi kif ukoll il-kunċett revolving doors jiġifieri meta membru parlamentari jew ministru  imurjaħdem ma’ kumpanija li segħtet ġiet aġevolata bix-xogħol tal-parlament wara li jispiċċa t-terminu parlamentari tiegħu. Qal li qed jaħdem ukoll biex isir kodiċi x’isir dwar għoti ta’ rigali.

Hyzler qal li min ikollu ilment jista’ jiktiblu f’dawn l-indirizz: Kummissarju Parlamentari għall-iStandards, 11 Triq San Pawl, il-Belt.

Aqra iktar:

George Hyzler se jinħatar Kummissarju għall-Istandards