Aġġornata bl-Awdjo: Mass Meeting tal-PN f’Tas Sliema

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi qal li jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu għal ħames snin li ġejjin, gvern Nazzjonalista se jassigura li ċ-ċittadini jiġu trattati b’dinjità sħiħa, b’effiċjenza, b’rispett u b’edukazzjoni. Waqt li ndirizza mass meeting tal-PN f’Tas Sliema, Dr Gonzi qal li kull min se jingħata kariga pubblika irid jintrabat ukoll li se jimxi b’dan il-mod mal-poplu Malti biex titjieb aktar il-komunikazzjoni. Il-Prim Ministru Gonzi qal li jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu gvern Nazzjonalista se jaħdem bis-sħiħ biex jerġa’ jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Spjega li f’kuntatt dirett maċ-ċittadini, dawn se jingħataw raġuni fejn hemm ir-raġun, u fejn ma hemmx, jiġi spjegat b’mod ċar u fil-ħin għaliex ma hemmx raġuni. Dr Gonzi appella biex ħamest ijiem ‘il bogħod minn jum l-elezzjoni, kull persuna tavviċina żewġ persuni li għadhom indeċiżi sabiex dawn jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista ħalli dan jerġa’ jkun fil-gvern.

Aktar kmieni:

17.27 Nitlobkom jekk tridux tissograw li jintilef dak kollu li twettaq fil-pajjiż fl-aħħar ħames snin jew jekk tridux tikkonfermaw dak li akkwista l-pajjiż. Ħamest ijiem ‘il bogħod minn jum l-elezzjoni, avviċinaw tnejn min-nies li għadhom indeċiżi sabiex dawn jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista u b’hekk fl-10 ta’ Marzu inkunu qed niċċelebraw. Ipperswadu tnejn min-nies u mbagħad nassigurakom li flimkien kollox ikun possibli bl-aqwa politika ta’ saħħa, edukazzjoni u ambjent

17.24 Fil-ħames snin li għaddew, stajna għamilna xi affarijiet aħjar. Jekk ningħataw il-fiduċja tal-poplu fil-leġislatura li jmiss, irridu ntejbu l-mod ta’ kif gvern ġdid immexxi mill-PN se jirrelata maċ-ċittadini u jassigura li dawn jiġu ttrattati b’dinjità sħiħa, b’effiċjenza, b’rispett u b’edukazzjoni. Gvern li jerġa’ jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Fejn hemm raġun din se jingħata, u fejn ma hemmx, jiġi spjegat ċar għaliex ma hemmx raġuni. Kull min jingħata kariga pubblika irid jintrabat li se jimxi b’dan il-mod mal-poplu

17.21 Araw ftit l-ispazji miftuħa li issa qed jitgawdew mit-tfal u l-familji tagħna. L-ambjent dejjem kien pilastru ewlieni fil-politika tal-Partit Nazzjonalista

17.17 Żammejna l-kelma tagħna fl-edukazzjoni ta’ skola kull sena. Araw id-differenza bejn ir-roadmaps li ma fihom xejn konkret u dak li qed jippjana l-PN. Il-PN fil-ħames snin li ġejjin se jkun qed jibni skejjel ġodda fosthom dawk f’Rahal il-Ġdid, fil-Ħamrun, f’Pembroke u f’Marsaskala. Sal-2020 se nkunu tajnikom ħames skejjel ġodda fjamanti għal uliedkom. Dan minbarra il-kampus il-ġdid tal-MCAST.

17.16 Wara l-investiment fis-saħħa fil-qasam tal-kura tal-kanċer, fil-futur qed inħarsu lejn min kura aħjar lejn min għandu l-kundizzjoni tad-diabete

17.14 Dr Joseph Muscat ifisser biss pariri ħżiena. Kif tistgħu tissograw il-futur tagħkom f’idejn min ħlief pariri ħżiena ma takomx? Meta tkun fil-gvern u tagħmel għażla ħażina, jkollha effetti hżiena fuq iż-żgħażagħ, il-ħaddiema u l-anzjani Maltin

17.12 Malta baqgħet b’saħħitha u kburija, għal kuntrarju ta’ dak li ġara f’Ċipru kif ried Dr Joseph Muscat

17.11 Kif tista’ tafda l-ekonomija f’idejn min jaħseb li t-tarzna hija benniena ta partit politiku kif kien jiġri fil-passat, meta t-tarzna kienet qed tixrob it-taxxi tal-pajjiż?

17.06 Kollox jiddependi fuq il-ħolqien tax-xogħol – huwa l-bidu u t-tmiem. Fid–9 ta’ Marzu ftakru li l-kulur aħmar ifisser qgħad u l-kulur blu ifisser xogħol! Il-kulur aħmar kien u jibqa’ aħmar minkejja li hawn min qiegħed jipprova jtih taħlita ta’ blu. Ix-xogħol ma jiġix bir-roadmaps u bid-diskors fil-vojt, iżda bil-fiduċja tal-investituri f’pajjiżna.

17.04 L-avjazzoni, il-farmaċewtika, l-industrija diġitali, l-informatika, l-online gaming, il-bio-teknoloġija, u s-servizzi finanzjarji huma kollha setturi li ħolqu xogħol ġdid għall-poplu Malti. Dan kollu huwa frott tal-għażliet li għamel il-PN fil-gvern

16.59 Għażla għal ħames snin li ġejjin hija għażla serja. Tissograwx fl-għażla li se tagħmlu fid-9 ta’ Marzu li ġej. Il-vot tagħkom favur il-PN se jfisser li se nkomplu mexjin fid-direzzjoni li qbadna

16.57 Għażliet dwar l-ekonomija, dwar l-enerġija, dwar dak li ġara fil-Mediterran, dwar il-poplu Libjan – il-PN ma beżax ikun xhud tal-valuri li jemmen fihom u qatt ma beża’ mill-għażliet li ħa fl-aħħar snin. L-aħjar għażla kienet dejjem dik tal-Partit Nazzjonalista

16.55 Kien dejjem il-PN li investa fiż-żgħażagħ fejn minflok għalaq l-iskejjel, fetaħhom. Minflok biddel l-istipendji f’dejn, il-PN takom l-istipendji f’idejkom biex tirnexxu

16.50 Jibda d-diskors tiegħu Dr Lawrence Gonzi li jappella biex ma nirriskjawx bil-futur tal-pajjiż. Ma għandkomx għalfejn tbiddlu id-direzzjoni li qabad il-pajjiż għax din hija l-aħjar waħda għall-familji

16.30 Jibda jindirizza lil dawk preżenti Dr Simon Busuttil li qal li r-rata tat-taxxa fuq id-dħul se tonqos minn 35% għal 25% fuq tlett snin, u din tibda b’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena

16.20 Isellem lill-partitarji minn fuq il-palk prinċipali l-Viċi Kap Nazzjonalista Dr Simon Busuttil

16.09 Jasal il-PM u Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi f’Tas Sliema li jsellem lil folla preżenti għal mass meeting

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.

Ritratti: Stefan Pullicino