L-aħħar mass meeting tal-PN fuq il-Fosos tal-Floriana

20.56 Sibu żewġ persuni oħra biex jivvotaw għall-PN biex nhar is-Sibt nivvotaw u nhar il-Ħadd niċċelebraw!

20.51 Nindirizza issa lilkom iż-żgħażagħ, nawguralkom kull suċċess għax aħna nafu bil-potenzjal tagħkom. Jekk nhar it-Tnejn filgħodu tridu tqumu f’pajjiż li joffri s-serħan tal-moħħ, ħa nibqa’ nitlobkom biex għada u pitgħada tipperswadu tnejn min-nies li għadhom indeċiżi kif se jivvotaw biex jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-PN. Kellna rispons qawwi fejn kien hemm nies li qalulu li kkonvinċew sitta min-nies biex jivvotaw għall-PN

20.46 Is-Sibt li ġej mhux kemm għamilna mass meetings se jgħodd, iżda f’idejn min se tafda lill-familja tiegħek. Lill-ġenituri ngħidilkom li se tivvotaw għal uliedkom u dawn jiġu qabel kollox. Iċ-ċavetta hija f’idejkom. Hemm bżonn li jkun hemm gvern li jkompli jagħti l-aqwa u l-aħjar

20.44 Aħjar nitilfu mill-popolarità u naraw lin-nies jaħdmu. Il-PN qatt ma fittex il-popolariżmu

20.42 Fl-aħħar ta dan il-mass meeting ma aħniex se nistrieħu. Se nibqgħu naħdmu għall-voti tal-PN. 48 siegħa li jiswew mitqla deheb. Għad irridu nipperswadu aktar nies. Spjegaw lin-nies li aħna ġibnilhom ix-xogħol, minkejja li kellna nieħdu deċiżjonijiet li ma kienux daqstant popolari

20.39 Speċjalment intom li se tivvotaw għall-ewwel darba, ftakru li f’idejkom għandkom dak il-privileġġ speċjali li se jagħmillek differenza fl-edukazzjoni u fil-karriera tagħkom. Ingħaqdu magħna f’din l-avventura biex lill-pajjiż inġbulu qabz’oħra ta’ kwalità

20.31 Tħallux l-interessi jew il-weġgħat tagħkom jinfluwenzaw ħażin il-futur tal-pajjiż. Fil-leġislatura li ġejja, se naħdem b’qalbi kollha biex inġibu bidla fil-kultura ta’ kif nittrattaw u nikkomunikaw man-nies. Għal min għandu l-weġa’ personali, ngħidilkom ejjew nippruvaw nindirizzawha iżda tħallux din il-weġa’ tagħmikom

20.28 Lejlet elezzjoni ġenerali, jiena f’għajnejkom nara l-entużjażmu li għandkom għal pajjiżkom, l-għatx li titgħallmu aktar, l-ambizzjoni biex tirnexxu, sens ta’ avventura u fiduċja li dan il-pajjiż jista’ jirbaħ kull sfida, kif ukoll sens ta’ identità Maltija u kburija li intom Maltin. Nara wkoll l-imħabba għall-ambjent u għall-familja. Dan kollu jimlina b’kuraġġ. Lesti li nagħtu saħħitna kollha għas-sbuħija ta’ pajjiżna

20.23 Għandna pedament sod. Konna baħrin fil-maltemp u rbaħna l-maltemp. Oqogħdu dejjem attenti u tissugrawx. Insemmi kumpaniji li se jżidu l-impjiegi iżda ngħid ukoll li llum sittin persuna impjegati ma kumpanija tal-farmaċewtika għandhom xogħolhom imdendel. Ibqgħu ċerti li se ssibu lill-PN jiddefendi lil dawn is-sittin ħaddiema kif iddefenda 5,000 impjieg ieħor fl-aħħar snin. Il-PN jibqa’ dejjem il-partit tax-xogħol. Ħudu dan bħala avviż. Illum aktar minn qatt qabel, għidu le grazzi lil min irid ibiddel id-direzzjoni tal-pajjiż

20.17 Illum qed tingħalaq din il-leġislatura b’idejna mimlijin riżultati. Isemmi l-kisbiet fil-qasam tal-edukazzjoni għall-għalliema u studenti. Fabbriki u kumpanniji ġodda. Inqas taxxi għal kulħadd. Inqas taxxa għal min jiftaħ negozju. Rekord fit-turiżmu u f’kemm iħallu flus f’Malta. Is-settur tas-servizzi finanzjarji qatt ma kiber daqs dawn l-aħħar ħames snin

20.15 Dr Gonzi jgħid li Dr Fenech Adami ħadem biex daħħal lil Malta fl-UE, filwaqt li huwa ħadem biex mexxa lil Malta fi ħdan l-UE

20.14 Itemm id-diskors qasir tiegħu l-ex Kap Nazzjonalista Dr Eddie Fenech Adami. Ikompli jindirizza lil dawk preżenti Dr Lawrence Gonzi

20.10 Ma għandix dubbju li b’Lawrence Gonzi fit-tmexxija il-pajjiż għandu futur fis-sod. Qatt ma għamilna kompromessi biex nirbħu l-voti. Dejjem emminna li s-sewwa jirbaħ żgur. Grazzi ħafna talli ġejtu għal dan il-mass meeting u tal-privileġġ li tani Dr Gonzi. Naċċertakom li għadni nemmen li l-PN jista’ jmexxi lill-pajjiż għal darb’oħra għar-rebħa li aħna lkoll qed nistennew

20.08 Ħamsin sena, ikompli jgħid Dr Fenech Adami, għaddew malajr iżda dejjem konna nafu fejn sejrin. Aċċettajt din l-istedina biex nirringrazzja lill-PM Dr Lawrence Gonzi għal ħames snin li għaddew li matulhom wettaq ħidma kbira fil-gvern minkejja d-diffikultajiet li kien hawn. Lawrence Gonzi huwa l-unika garanzija għall-futur fis-sod għal Malta

20.07 Dr Fenech Adami jgħid li aċċetta l-istedina ta’ Dr Lawrence Gonzi għax irid jirringrazzja liż-żgħażagħ u lil dawk li huma anzjani bħalu.

20.04 Il-PM Dr Lawrence Gonzi fil-bidu tad-diskors tiegħu jippreżenta lil Dr Eddie Fenech Adami biex jindirizza lil dawk preżenti. Jiddeskrivieh bħala missier Malta Ewropea. Dr Fenech Adami isellem lil dawk preżenti akkumpanjat fuq il-palk minn Dr Gonzi u minn Dr Busuttil

19.44 Newsbook infurmat li għas-19.15 wasal fuq il-Fosos tal-Floriana l-ex Kap Nazzjonalista Dr Eddie Fenech Adami

19.43 Jindirizza l-mass meeting il-Viċi Kap Nazzjonalista Dr Simon Busuttil

19.39 Jitla’ fuq il-palk ewlieni il-Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi flimkien mas-sinjura Gonzi

19.35 Isellem lil folla preżenti minn fuq il-palk ewlieni Dr Simon Busuttil

18.38 Il-folla tinġabar fuq il-Fosos biex tilqa’ lill-Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi għal mass meeting li se jagħlaq kampanja elettorali ta’ disa’ ġimgħat

18.11 L-ex Prim Ministru u President Emeritu Dr Eddie Fenech Adami se jagħmel diskors qasir fil-mass meeting tal-PN tal-lejla

Ritratti: Stefan Pullicino u Partit Nazzjonalista