Kontinwament Aġġornata: Il-Partit Laburista jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali 2013

12:20 Fuq is-sit tal-PN, Dr Lawrence Gonzi jirringrazzja lill-poplu għal-fiduċja li wera fih tul l-aħħar 9 snin

12:15 Il-Kap tal-Uffiċju Elettorali tal-PL, Louis Gatt: ‘Is-surveys kienu juru rebħa Laburista iżda ma konniex nafu eżatt il-kobor tar-rebħa, u sa issa ma jistgħux ikunu kkonfermati il-perċentwali u l-voti eżatti’

12:10 Is-Segretarj tal-Eżekuttiv tal-PL, Lydia Abela: ‘Għadu mhux magħruf x’ċelebrazzjonijiet se jagħmel il-PL.

12:05 Id-Direttur Informazzjoni tal-PL Kurt Farrugia jidħol fil-Press Centre jirringrazzja lill-ġurnalisti

12:00 Għajjat qawwi u kontinwu ta’ ‘Tagħna Lkoll’ u ‘Viva l-Labour’ fil-counting hall.

11:50 Stefan Zrinzo Azzopardi: ‘Illum qed naħsdu r-riżultati ta’ kampanja pożittiva. Issa se nwettqu dak li wegħdna biex Malta tkun tagħna lkoll. L-għażla tal-poplu se nrodduha b’ħidma b’riżq il-pajjiż’

11:40 Dr Joseph Muscat, f’kollegament fuq it-TV: ‘Il-PL se jiggverna bħala moviment. Appella għall-kalma Kulħadd għandu dritt jsprimi l-fehma tiegħu ħadd m’għandu dritt jikser il-liġi. Malta se tkun verament tagħna lkoll’

IL-PL jikseb 55% tal-voti. Distakk ta’ madwar 30,000 vot.

11:30 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi jifraħ lill-Dr Joseph Muscat għar-rebħa tal-PL f’din l-elezzjoni

11:35 L-ewwel indikazzjoni hi l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali. Counting agents jappellaw għall-kalma biex ma jittellifx il-proċess

11:30 Għajjat u ċelebrazzjonijiet fil-counting hall hekk kif is-samples ta’ 50 vot minn kull kaxxa qed jitqassmu fil-garżelli tal-kandidati rispettivi.

Aktar kmieni:

Fil-11 ta’ dalgħodu beda s-sorting tal-voti mitfugħa l-bieraħ għall-elezzjoni ġenerali.

Wara li ftit ħin qabel, tlestiet ir-rikonċiljazzjoni tal-voti, jiġifieri l-voti tpoġġew wiċċhom ‘l isfel u ngħaddu, issa l-voti bdew jitqiegħedu fuq l-imwejjed f’pakketti ta’ 50.

F’dan l-istadju, l-aġenti tal-partiti, jibdew jieħdu sample minn kull kaxxa biex jkollhom indikazzjoni ċara u minn qabel tar-riżultat.

Is-sala tal-għadd tal-voti bħalissa hi mimlija b’aġenti u kandidati tal-partiti li qed isegwu dan il-proċess b’attenzjoni u kawtela.

It-turnout ta’ din l-elezzjoni ġenerali kienet dik ta’ 93%. Fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea, din iċ-ċifra hija l-istess bħal dik tal-aħħar elezzjoni ġenerali fl-2008.
L-akbar differenza kienet reġistrata fl-għaxar distrett, bi 2% inqas mill-2008.

Ritratti: Daniel Balzan