Kontinġent ta’ 10 atleti jieħdu sehem fil-kampjonat Ewropew tat-Triathlon

B’kontinġent ta’ 10 atleti u 2 coaches, Triathlon Malta ħadet sehem riċentement fil-kampjonati Ewropej tat-Triathlon li ttellgħu mill-European Triathlon Union fil-belt ta’ Weert, fl-Olanda. Dawn il-kampjonati saru fuq id-distanza Standard, jiġifieri 1.5KM ta’ Għawm, 40KM ta’ ċikliżmu, u 10KM ta’ ġiri.

Il-kontinġent Malta ġie magħżul wara il-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta fil-ħarifa li għaddiet u ntagħżlu Margaret Seguna, Lara Buttigieg, Anjelika Ruggier, Juliya Azzopardi Mazur, Karne Amato, Wayne Spiteri, Shaun Galea, Bernard Sant, Joseph Cremona u Darrel Schembri. Jakkumpanjawhom kien hemm żewġ Level 2 Triathlon Coaches, Barry Farrugia u Maria Mizzi u l-kontinġent kien immexxi mill-President ta’ Triathlon Malta, Cyprian Dalli.

Fit-tlielaq femminili, kienet Margaret Seguna li ġabet l-aħjar ħinijiet mill-atleti nisa Maltin fejn spiċċat it-tellieaq fi 19 -il minuta u 47 sekonda. Hi spiċċat fil-ħames post fil-kategorija tal-eta’ tagħha. Seguna kellha wkoll l-aħjar ħin fl-għawma u fil-ġirja mill-atleti femminili Maltin, filwaqt li l-aħjar ħin fuq ir-rota kisbitu Lara Buttigieg.

Fil-kompetizzjonijiet maskili, l-aħjar ħin irreġistrah Bernard Sant, hekk kif spiċċa it-tellieqa f’ħin totali ta’ sagħtejn, 8 minuti u 34 sekonda. Sant irnexxilu jakkwista wkoll l-aħjar ħin għal-għawma fost l-atleti Malti hekk kif lesta d-distanza ta’ 1500m f’ ħin ta’ 22 minuta u 12 -il sekonda. L-aqwa segment taċ-ċikliżmu inkiseb minn Wayne Spiteri hekk kif lesta l-korsa ta’ 40 KM f’ ħin ta’ 56 minuta u 10 sekondi. Spiteri irreġġistra wkoll l-aħjar ħin fil-ġirja hekk kif lesta l-10KM tal-korsa f’ħin ta’ 41 minuta u 28 sekonda.

Tul l-istess ġimgħa f’ Weert, il-President ta’ Triathlon Malta, akkumpanjat miż-żewġ coaches, attenda wkoll għall-Assemblea Ġenerali Annwali tal-European Triathlon Union. Dalli kellu diversi laqgħat bilaterali mal-ogħla persuni fid-dinja tat-triathlon.