“Il-calculator tal-ARMS stess turik li qed tħallas iktar” – Marie Briguglio

L-Ekonomista Marie Briguglio avżat lill-pubbliku biex juża l-online calculator tal-kumpanija Automated Revenue Management Systems (ARMS) biex jikkalkula l-kontijiet tiegħu.
Fuq Facebook, Briguglio kitbet li għalkemm din il-faċilità hija tal-istess kumpanija li toħroġ il-kontijiet, it-total ta’ sena jkun irħas mit-total tal-kontijiet li tirċievi. Saħqet li dan ma jkunx jaqbel minħabba l-mod ta’ kif qed jinħadmu l-kontijiet kull xahrejn.
L-online calculator tista’ taċċessah fuq is-sit tal-ARMS.
Briguglio kienet tkellmet dwar l-allegat skandlu fuq il-kontijiet tal-ARMS waqt il-programm Newsline fuq RTK103FM. Hija kienet qalet li hemm min qed iħallas il-kont tad-dawl bir-rata ‘tal-kastig’.
“M’hemm xejn x’tinvestiga. Il-liġi qed tinkiser” – Briguglio
Aktar tard, fuq Facebook ukoll, Briguglio qalet li l-maġġoranza tad-djar jikkunsmaw inqas minn 6,000 unit iżda qed iħallsu iżjed minn 12c98.
Briguglio kkwotat il-parti tal-liġi fejn il-prezzijiet huma stabbiliti. Saħqet li l-kumpanija ARMS qed tinjora l-parti mil-liġi fejn tgħid li l-kontijiet jinħarġu fuq “konsum kumulattiv annwali”, li tfisser li r-rata trid tiġi kkalkulata fuq bażi ta’ sena sħiħa u mhux fuq bażi tal-konsum ta’ xahrejn.
Il-liġi sussidjarja dwar il-konitijiet tad-dawl tgħid hekk:
“Servizz għal Post Residenzjali ikun suġġett għat-Tariffa tal-Konsum li ġejja li hija bbażata fuq konsum kumulattiv annwali u li tista’ tiġi komputata fuq bażi pro rata:

  • Għal kull kWh ta’ l-ewwel 2,000 kWh      €0.1047; u
  • Għal kull kWh fuq 4,000 kWh ta’ wara    €0.1298; u
  • Għal kull kWh fuq 4,000 kWh ta’ wara    €0.1607; u
  • Għal kull kWh fuq 10,000 kWh ta’ wara   €0.3420; u
  • Għal kull kWh mill-bqija tal-konsum        €0.6076.”

L-ARMS tibqa’ tgħid li l-kontijiet għadhom jinħadmu bħall-2009
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar dak li qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, kelliema għall-kumpanija ARMS qalet li s-sistema tal-kontijiet, inklużi l-faxex tal-konsum u l-perjodu li jinħarġu fihom l-kontijiet, kienu u baqgħu l-istess bħal dawk li ddaħħlu fl-2009, skont il-liġi.
Fuq Radio 101, Agius kien qal li se jkun qed jippubblika informazzjoni li turi li l-ARMS kienet taf li l-kontijiet mhux jinħarġu kif suppost.