Kontijiet: Skiet perfett minn tal-Konsumatur – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-iskiet perfett tal-Awtorità Maltija għall-Kompetuzzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur dwar il-kwistjoni tal-kontijiet tad-dawl huwa “stramb għall-aħħar”.
Fi stqarrija, il-PD fakkar li l-MCCAA huwa r-regolatur li jipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur. Fi kliem il-PD, ir-Regulatur għas-Sevizzi tad-Dawl u Ilma (REWS) hu li jippromwovi l-interessi tal-konsumaturi f’Malta. Dan b’mod speċjali fejn jidħlu tariffi u kwalità tas-servizz.
“Ir-rwol ta’ regolaturi b’saħħithom u indipendenti huwa kruċjali biex il-konsumaturi jkunu protetti minn abbuż meta hemm monopolju bħal fil-każ tal-Enemalta” qal il-PD. “S’issa, jidher ċar li r-regolaturi qed jipproteġu aġenda moħbija u d-drittijiet tal-konsumatur huma mhedda.”
Il-PD qal li rċieva ħafna lmenti dwar kif l-ARMS qed tbiddel il-perjodu li fih tibgħat il-kontijiet biex tieħu vantaġġ mill-konsumaturi.
Fi kliem il-PD, stħarriġ tal-Eurostat juri li l-medja tat-tariffi residenzjali ma niżlitx b’25% iżda b’15.6%. L-istess stħarriġ juri li Malta tħallas l-ogħla prezz medju għad-dawl residenzjali fl-Ewropa.
Il-PD akkuża lill-Enemalta talli qed tikkwota l-liġi b’mod ħażin biex il-famiji jħallsu b’rata ogħla milli suppost.
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ppubblika ċifri fil-parlament li juru li l-kontijiet tad-dawl qed jinħadmu bl-istess mod kif ilu isir mill-kumpanija Arms minn tal-inqas mill-2012 ‘il quddiem.
F’Mejju l-Partit Nazzjonalista talab lill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Uffiċċju tal-Konsumatur sabiex jinvestigaw l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jinħarġu mill-ARMS.
Statistika tal-Eurostat turi li fit-tieni sitt xhur tal-2017, il-prezz tal-elettriku f’Malta żdied b’7.1% meta mqabbel mal-istess perijodu tal-2016.
L-ekonomista Marie Briguglio qalet li hemm min qed iħallas il-kont tad-dawl bir-rata ‘tal-kastig’ ta’ 60 ċenteżmu kull unit, meta ma jkunx ħaqqu.
Ritratt: ARMS