Kontijiet: Każ iżolat mhux 80% – Zammit Lewis

Il-membru parlamentari Edward Zammit Lewis xejjen il-kritika li qed issir bħalissa li l-konitjiet tad-dawl u l-ilma qed joħorġu bl-ogħli u qal li dan kien każ iżolat.
Ilbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li 80% tal-Maltin qed jinsterqu kull xahrejn mill-kontijiet.
Zammit Lewis qal li ma jistax jifhem dak li sejjaħħlu “dan l-għagħa kollha” dwar il-kontijiet għax skontu, kulma kien hemm persuna waħda li fetħet kawża dwar il-kontijiet u din għadha ma nqatgħetx.
Huwa kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-Estimi ta` dħul u nfiq għas-sena finanzjarja tal-2018 għal Korporazzjoni tad-Dawl u l-Ilma.
Fi kliem Zammit Lewis, is-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma saret aktar effiċenti, tant li l-kontijiet qed joħroġ aħjar u dejjem skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Regolamenti għall-Effiċjenza tal-Enerġija li jirregolaw is-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma madwar l-Ewropa kollha.
Spjega li l-Gvern qed jinvestiga dan il-każ indipendentament.
“Serq legalizzat lill-konsumaturi Maltin” – David Agius
Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li l-Gvern qed iwettaq serq legalizzat minn fuq dahar il-konsumaturi Maltin b’kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-estimi tal-Awtorità għas-Servizzi tal-Ilma, Agius qal li skont il-liġi l-konsum irid ikun maħdum f’sena biex kulħadd igawdi mir-roħs kollu. Huwa qal li f’din il-kwistjoni, il-Prim Ministru ma qalx li l-Partit Nazzjonalista qed jiġbed iżda sempliċiment qal li qed jinvestiga.
Huwa qal li l-Eurostat gibdet lill-Ministru Joe Mizzi ftit ijiem wara li ħareġ stqarrija f’mistoqsija parlamentari fejn ftaħħar li Malta kellha fost l-oħros kontijiet tad-dawl u l-ilma. Iżda l-Eurostat ikkonfermat li t-tariffi żiedu b’7.1% meta l-prezz internazzjonali kien stabbli.
Agius qal li l-għeruq tal-problema hi peress li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed jinhargu aktar spissi qed jintilfu l-bands tat-tariffi u tal-eko-kontribuzzjoni, fejn fl-2015 kien hemm 615,000 invoice u llum jinħarġu 634,000. Dan jirriżulta li hemm 20,000 persuna jew invoice li fihom qed tintilef l-eko-kontribuzzjoni.
Il-Ministru Joe Mizzi se jgħaddi mill-“paroli għall-fatti”…dalwaqt
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal fil-parlament li dalwaqt ikollu l-provi biex ixejjen l-akkużi kollha li qed jsiru bħalissa fuq il-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Meta kien qed jagħlaq id-diskussjoni dwar l-Estimi tal-Awtorita` għas-Servizzi tal-Ilma, Mizzi qal li hu ma jħobbx jitkellem iżda jaġixxi u għalhekk se jkollu provi f`idejh biex ixejjen il-`paroli tal-Oppożizzjoni` dwar il-kontijiet.
Huwa qal li l-uniku tbiddil fil-kontijiet kienu r-reviżjonijiet ta’ 30% ‘il fuq fl-2010 minn Gvern Nazzjonista u reviżjoni l’isfel ta’ 25% f`2014 mill-Gvern Laburista.
Hu nsista l-formula li biha jinħadem il-kont u l-perjodu ta` kull xahrejn baqa` l-istess mill-2009, l-istess baqgħet is-sistema kurrenti tal-bands emendi 2009.
Mizzi qal li l-Eurostat ikkonfermat li l-kontijiet f’Malta huma fost l-irħas fl-Ewropa u żieda ta`7.1% ġejja minn żieda fid-domanda u allura l-konsum.