​Kontijiet dawl: Il-PN jitlob lir-regolatur jinvestiga; il-Gvern iwaħħal fil-PN

Il-Partit Nazzjonalista bagħat ittra lir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma fejn talbu jinvestiga l-kontijiet għoljin li qed toħroġ l-ARMS.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet.
Ilbieraħ fuq Radio 101, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius qal li se jkun qed jippubblika informazzjoni li turi li l-Automated Revenue Management Systems (ARMS) kienet taf li l-kontijiet mhux jinħarġu kif suppost.
Fl-ittra li ġiet ippreżentata lir-Regolatur minn Agius, mill-President tal-Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut u mill-kandidat Angelo Micallef, il-PN talab ukoll lir-Regolatur biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa b’risq l-interessi tal-konsumaturi.
Il-Partit kompla jfisser li n-nies qed jirċievu l-kontijiet aktar spiss, qed jitilfu l-allokazzjoni tagħhom tal-units tat-tariffi l-baxxi u jispiċċaw iħallsu b'rati aktar għoljin milli susppost.
Saħaq li l-liġi tagħmilha ċara li jistgħu jintbagħtu kontijiet prorata lin-nies, iżda t-tariffi għandhom japplikaw fuq il-konsum annwali, jiġifieri l-konsum ta’ sena.
Fl-istqarrija, il-PN qal ukoll li mill-istħarriġ li sar fuq l-ewwel 100 kont li n-nies taw lill-Partit, irriżulta li 80% tan-nies ħallsu aktar milli suppost. Irrimarka li din id-diskrepanza tvarja minn €6 sa €600 fis-sena.
Is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet tmur lura għall-2009 – Il-Gvern
B’reazzjoni, il-Gvern qal li qed jaħdem qatigħ biex jinstabu soluzzjonijiet adegwati għas-sitwazzjoni, li fi kliemu ħolqot l-amministrazzjoni preċedenti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħruġ tal-kontijiet permezz tal-Avviż Legali li ddaħħal fl-2009.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li diġà talab review biex jinstabu s-soluzzjonijiet.
Il-Ministeru għall-Enerġija tenna li l-poplu u n-negozji qed jirċievu lura €90 miljun fis-sena mit-traħħis tal-kontijiet li l-Gvern daħħal fis-seħħ fl-2014 għall-familji u fl-2015 għan-negozji.