Kontijiet dawl: Il-PN jitlob investigazzjoni mill-MCCAA

File Photo

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Uffiċċju tal-Konsumatur sabiex jinvestigaw l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jinħarġu mill-ARMS.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċini tal-Awtorità fil-Blata l-Bajda, il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal li l-PN qed jitlob lill-istituzzjonijiet jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi Maltin li ta' kuljum qed jiġu mġegħla jħallsu kontijiet aktar spissi u aktar għoljin. 
Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet li qiegħed iwassal biex tinqasam l-allokazzjoni annwali tal-units tad-dawl u l-ilma fuq perjodi iqsar minn sena.
Dan qed iwassal biex in-nies jispiċċaw jitilfu l-allokazzjoni tagħhom tal-units fuq it-tariffi l-baxxi u jkollhom iħallsu b'rati aktar għoljin milli suppost iħallsu.
Sostna li dan kollu qed isir bi ksur tal-leġiżlazzjoni sussidjarja. Ġie spjegat li l-liġi tagħmilha ċara li jistgħu jintbagħtu kontijiet pro-rata lin-nies iżda t-tariffi għandhom japplikaw fuq il-konsum annwali, u allura l-konsum ta' sena. 
Mill-istħarriġ li l-Partit Nazzjonalista għamel fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom fid-Dar Ċentrali rriżulta li 80% tan-nies ħallsu aktar milli suppost. Din id-diskrepanza tvarja minn €6 sa €600 fis-sena.
L-istatistika Ewropea tal-Eurostat ukoll ikkonfermat li n-nies qed iħallsu aktar għall-enerġija meta bejn l-2016 u l-2017, il-kontijiet li qed iħallsu l-konsumaturi żdiedu b'7.1%.
Agius kien ukoll akkumpanjat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, uffiċjali oħrajn tal-PN u s-Soċjologu Michael Briguglio. 
"Il-PN mhux kredibbli dwar il-kontijiet" – il-PL
Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li mill-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma meta l-Partit Nazzjonalista kien qal li mhux possibbli.
Sostna li din hija spin tal-PN li l-Maltin qed iħallsu kontijiet ogħla mhux kredibbli.
Dwar l-istatistika tal-Eurostat, il-Partit Laburista qal li din tikkonferma li r-rati tal-enerġija f'Malta huma s-seba’ l-inqas fl-Unjoni Ewropea.