Kontenut fuq Facebook iwassal biex tifla tneħħi ħajjitha

Fl-Italja, prosekutur qed jikkunsidra li jiftaħ akkużi kriminali kontra l-Facebook, wara li allegatament il-kumpanija naqset milli tneħħi kontenut li seta’ wassal biex tifla ta’ 14-il sena neħħiet ħajjitha b’idejha.

Carolina Picchio għamlet dan f’Jannar li għadda, wara li rċeviet messaġġi vulgari fuq filmat li ttella’ fuq Facebook, li juri lilha stess xurbana waqt party.

Oħt Carolina qalet li hi u wħud minn sħab oħtha rrappurtaw dawn il-messaġġi u l-kummenti abbużivi fuq Facebook, iżda qatt ma’ ġara xejn.

Il-prosekutur Francesco Saluzzo qal li f’dan il-każ, il-kontenut kontra t-tfajla kellu rwol importanti fid-deċiżjoni tagħha li twettaq suwiċidju.

Qabel neħħhiet ħajjitha, Carolina kitbet fuq Facebook biex jaħfrulha għax mhix b’saħħitha u li ma tistax tissapporti iktar.

Facebook irrisponda għall-mistoqsijiet li saru mill-midja internazzjonali, fejn filwaqt li bagħtu l-kondoljanzi lill-familjari u l-ħbieb ta’ Carolina, spjegaw li jneħħu biss dak il-kontenut li jikser id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet ta’ Facebook, u li jressqu rapporti ta’ abbuż, fastidju jew bullying għall-infurzar tal-liġi fejn ikun hemm bżonn.