Kontejner kull jumejn 7 persuni kuljum għad-Dwana f’Novembru

L-uffiċjali tad-Dwana fetħu bħala medja aktar minn kontejner kull jumejn fix-xahar ta’ Novembru biex jispezzjonawh għal oġġetti foloz, u waqqfu aktar minn 7 persuni kuljum fl-ajruport biex jiċċekkjaw humiex iġorru flus foloz, fost każijiet oħra ta’ spezzjonar u konfiskar ta’ materjal.
Id-Dipartimet tad-Dwana fi stqarrija elenka l-ħidma tiegħu tul ix-xahar li għadda, u rrimarka li l-kampanja ta’ infurzar kompliet tagħti l-frott.
Dawn huma xi statistiċi għal Novembru:

  • 50 spezzjoni fi ħwienet diversi madwar Malta, 3 spezzjonijiet f’residenzi jew garaxxijiet privati, 8 fi swieq miftuħa u tfittxija waħda f’vettura privata. Minn dawn it-tfittxjiet ġew miżmuma 43,340 sigarett u 3.8 kilogrammi tabakk tal-kuntrabandu, ammont kbir ta’ basktijiet  tal-plastik, 69 flixkun inbid u 8 flieken spirtu alkoħoliku
  • 31,000 sigarett minn dawk imsemmija ġew interċettati f’vettura privata, 5,860 sigarett ġew elevati minn residenzi jew garaxxijiet privati, 3,800 sigarett  ġew elevati fl-ajruport qabel iddaħħlu fil-pajjiż, 1,460 sigarett gew elevati minn ħwienet diversi, 620 sigarett ġew elevati minn swieq miftuħa, filwaqt li 600 sigarett ieħor ġew elevati mill-Port Ħieles qabel iddaħlu fil-pajjiż. Instabu wkoll 748 użu ħażin ta’ bolol tas-sisa tal-inbejjed u xorb alkoħoliku
  • 151 spezzjoni fuq vetturi jew trakkijiet u trailers mal-wasla minn Sqallija. 39 każ minnhom, il-merkanzija li kienu qed iġorru fihom ġiet riferuta lid-Direttorat tas-Sisa għall-ħlas tas-sisa jew għal aktar investigazzjoni
  • 219-il spezzjoni fl-ajruport għal flus mhux iddikjarati kif ukoll 12-il tfittxija fuq ajruplani mal-wasla
  • ġew konfiskati żewġ vetturi

Matul dan il-perjodu saru 18-il spezzjoni għal oġġetti foloz, filwaqt li d-Dwana  użat id-diversi mezzi ta’ skennjar li għandha mifruxa mal-postijiet tagħha għal 13,219-il darba.