“Kont tiġi fuq is-sett muġugħa u xorta waħda kont tagħti l-100% tiegħek” – Clive

Clive Muscat bħala Matthew u Margaret Agius bħala ommu Felicity f'xena mis-sensiela Sorelle

L-aħbar tal-mewt tal-attriċi Margaret Agius iddominat il-midja soċjali lbieraħ b’numru kbir ta’ personalitajiet li fakkru lil din l-attriċi f’bosta mumenti partikolari ta’ ħajjiethom. Fost dawn hemm l-attur Clive Muscat li jinterpreta lil Matthew fis-sensiela Sorelle. Hu saħaq li jħossu onorat li kellu x-xorti li jaħdem fil-qrib tagħha u li din se tkun memorja li se jibqa’ jgħożż tul ħajtu kollha. Irringrazzja lill-awturi Evelyn Saliba La rosa u Dr Michael Vella Haber ta’ din l-opportunità.

“Matthew f’Sorelle llum tilef lil ommu. Malta tilfet attriċi bravissima. Attriċi li fit-tbatija tagħha baqgħet ddedikata. Kont tiġi fuq is-sett muġugħa u xorta waħda kont tagħti l-100% tiegħek. Ser inħossuh n-nuqqas tiegħek Margaret! Madankollu, issa tinsab f’post aħjar ‘il bogħod mill-uġigħ,” kiteb l-attur żagħżugħ li fis-serje Sorelle jinterpreta lill-iben Felicity, il-karattru li Margaret Agius kienet tinterpreta.

Sorelle jixxandar fuq TVM mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-3.40pm, b’repetizzjoni dak inhar stess fil-11.30pm u l-għada fis-6.15am. Il-puntati kollha ta’ ġimgħa sħiħa jerġgħu jixxandru is-Sibt fuq TVM2 mill-11am ‘il quddem.