Kont tafhom dawn dwar id-demm?

“Bla demm” hija waħda mill-idjomi Maltin li ssemmew minn Kelma Kelma fil-ġabra tagħhom ta’ idjomi Maltin relatati mad-demm. Dawn l-idjomi nġabru bħala inizjattiva b’kollaborazzjoni mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. Dan is-servizz tassew nieqes mid-demm u għalhekk qed jappella għal madwar 50 borża demm kuljum biex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda.

Fost l-idjomi relatati mad-demm, Kelma Kelma ssemmi ‘demmu spont’ li jiddeskrivi persuna li malajr jitilgħulha n-nervi. Fil-fatt, meta wieħed jitilgħulu u jitbaqbaq, ngħidu li ‘demmu sarlu ilma’. Ġeneralment wieħed jitbaqbaq b’dan il-mod ma’ xi ħadd li wieħed ma jkollux demm miegħu inkella li jkun ħadu ‘fuq demm id-dars’, jiġifieri li ma tantx ikollu grazzja miegħu. Jista’ jagħti l-każ li dak li jkun ma jkollux grazzja mal-ieħor għax ikun ‘xoroblu demmu’, li tfisser li jkun ħadlu ħafna flus jew ħaqru kemm felaħ.

Fuq ix-xaqliba l-oħra hemm dawk li xejn ma jbaqbaqhom u li jieħdu kollox bil-kalma – dawn ngħidu li għandhom demmhom ‘biered’ jew inkella niddeskrivuhom bħala ‘bla demm’. Meta wieħed jieħu ħasda jew jirċievi aħbar ħażina, ngħidu li ‘demmu kesaħ’ u jekk wieħed ikun tħabat jew ħa kedda kbira, ngħidu li jkun ‘għereq l-għaraq tad-demm’.

Fl-aħħar nett, spiss wieħed jisma’ l-espressjoni li ‘d-demm jiġbed’ biex nuru li dawk li jiġu minn xulxin dejjem ikollhom punti komuni.

Fil-verità, minkejja li dawk li għandhom bżonn id-demm mhux bilfors jiġu minna, ikun ġest ġeneruż u utli jekk naqsmu miż-żejjed li għandna ma’ dawk li neqsin minnu. Agħti d-demm. Agħti t-tama.