Kont taf li tmiem ta’ Pontifikat iġib tibdil żgħir fit-talba tar-Rużarju u tal-quddiesa?

It-tmiem ta’ Pontifikat iġib miegħu tibdil żgħir anke fit-talba tar-Rużarju u waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

Dan hekk kif fir-Rużarju u l-quddiesa ssir referenza diretta għall-Papa. Filfatt, waqt ir-Rużarju wara kull Salve Reġina, ngħidu “Skont il-fehma tal-Papa” jew inkella “Skont l-intenzjoni tal-Papa”.

Fr Michael Bugeja jispjega li permezz ta’ dik il-frażi nkunu qed nagħtu iktar saħħa t-talb tal-Papa.

Fr Michael jgħid li ġaladarba jintemm Pontifikat, waqt ir-Rużarju jibda jingħad biex l-Ispirtu s-Santu jdawwal il-kardinali li se jeleġġu Papa ġdid. Anke waqt il-quddiesa, is-saċerdot ma jibqax jirreferi għall-Papa.

Fil-jiem li għaddew, il-kelliem tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, qal li għadha ma ġietx stabilita d-data tal-Konklavi.