Kont qtajt qalbi li nerġa’ naraha lura f’postha!

Eżatt bejn Triq Sant Indrija u Triq Mons. Farrugia fil-Belt Victoria, tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-Knisja  parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri, mill-ġdid issa reġgħet tqiegħdet f’postha wara għadd sabiħ ta’ xhur, f’kantuiera tat-triq, l-istatwa ħelwa tal-Madonna qed iżżomm f’idejha lill-Bambin Ġesù. Wara li sar xogħol ta’ restawr fin-niċċa tagħha, messet ukoll ix-xorti lill-istatwa li kont qtajt qalbi li nerġa’ naraha lura f’postha! 

Din hi statwa qadima ħafna u għandi dubju din li naraw issa hijiex l-oriġinali jew xi kopja tagħha billi kif jafu ħafna hija statwa ferm simpatika u qadima ħafna.  Xejn ma jkun ġara jekk huwa hekk għax b’hekk inkunu qed nibżgħu għal dawn il-ġawhar ladarba jsibu ruħhom f’xi mużew.  Niftakar li din l-istatwa magħluqa fil-ħġieġ li kien jeħlisha mill-mannara tal-elementi; tgħid ma jistax jerġa’ jsir biex inkomplu nibżgħu għal dawn l-opri tal-arti!  Żgur li ma  tridx xi spiża kbira!  Prosit ukoll lill-ħanut li hemm taħt l-istatwa li minn butu jieħu ħsieb li matul il-lejl l-istatwa ma ssibx ruħha fi dlam ċappa!

Ftit metri bogħod imbagħad għandna Triq Palma mdewda bil-ħwienet ta’ kull xorta.  Lampa li kienet ilha mitfija żmien sa fl-aħħar issewwiet imma ma damitx titgawda wisq għax wara jum wieħed, kif qalli wieħed mis-sidien tal-ħwienet, reġgħet ħarġet bil-‘leave’ u sakemm qed nikteb għadha mitfija.  Tgħid ma jaqrax dal-kumment xi ħadd li għandu s-setgħa li jerġa’ taraha tixgħel!  Il-Ministeru ta’ Għawdex jew il-Kunsill Lokali tar-Rabat naħseb li għandhom il-mezzi u r-rieda li kollox jerġa’ jiġi għan-normal bi spiża żgħira!  Nistennew u  naraw!

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex