Kont qed niċċajta meta għedt RIPN – Fearne

Miguela Xuereb

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna li dak li qal fl-aħħar jiem waqt li kien qed jiġi intervistat kienet ċajta u ħadd ma kellu jieħu għalih. Hu qal dan filwaqt li kien qed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti dalgħodu.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Fearn qal li l-Partit Nazzjonalista, li bħalissa jinsab fl-Oppożizzjoni, mhux se jitħalla jigverna sakemm hu jibqa’ ħaj. Fid-diskors tiegħu li sar fil-qalba tal-kampanja tiegħu biex jilħaq mexxej tal-Partit Laburista, Fearne qal li meta jmut, fuq il-lapida ta’ fejn jindifen minflok l-ittri RIP, se jkun hemm miktub RIPN.

Fearne qal li hu jifhem li bħala Prim Ministru, irid ikun qed jirrappreżenta lil kulħadd. Qal li jifhem ukoll li jista’ jkun hemm xi ħadd li ħa għalih, iżda sostna li ħadd m’għandu bżonn jieħu għalih għal dak li qal b’ċajta.

Mistoqsi jekk hux se jkun qed jitlob maħfra għall-kumment li għadda, Fearne qal li jekk hemm bżonn jagħmel apoloġija lil xi ħadd hu lest li jagħmilha. Imfakkar dwar id-diskorsi diversi li fihom il-President ta’ Malta George Vella appella għall-għaqda, Fearne ġie mistoqsi mill-ġurnalisti jekk iħossx li l-kummenti tiegħu sarux fi żmien xieraq. Hu wieġeb jgħid li hemm bżonn l-għaqda nazzjonali imma jifhem li mexxej tal-Partit Laburista għandu jkollu partit b’saħħtu u li jirbaħ l-elezzjonijiet.

Qal li hu lest li jkun il-mexxej tal-poplu kollu u semma kif waħda mill-prijoritajiet tiegħu hija li jgħaqqad il-pubbliku.

Il-kumment li għadda Fearne kien deher f’filmat li ttella’ fuq Facebook it-Tnejn li għadda. L-istess filmat irċieva kritika qawwija minn partitarji Nazzjonalisti.

Post għal Robert Abela fil-kabinett?

Mistoqsi jekk hemmx post għall-kadidat l-ieħor li qed jikkontesta l-irwol ta’ mexxej, Robert Abela, Fearne qal li iva. Qal li l-kabnett kurrenti huwa wieħed b’saħħtu u rrimarka li hu l-aqwa kabinett li qatt kellu l-pajjiż, filwaqt li ddeskriva l-aħħar seba’ snin bħala l-aqwa seba’ snin li qatt ra l-pajjiż.

“Mhux se jinbidel il-Gvern”

Fir-risposti tiegħu lill-ġurnalisti, Fearne għamilha ċara li mhux il-Gvern li se jinbidel iżda l-Prim Ministru. Sostna li Robert Abela għandu rwol importanti x’jagħti lill-partit u lill-pajjiż, u jekk ikun PM hu, agħti l-ispazju kollu biex Abela jkun jista’ jifforma parti mill-Eżekuttiv u jkomplu jaħdmu flimkien għall-pajjiż.