Kont nitbissem minn barra iżda mimli diqa minn ġewwa – Mons. Cremona

Waqt diskussjoni dwar id-dipressjoni u l-importanza li wieħed ifittex il-kura għaliha, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona sostna li għamel perjodu fejn kien jitbissem minn barra u jipprova jostor id-diqa li kien iħoss ġo fih.

Dan qalu waqt il-programm Spalla ma’ Spalla fuq RTK 103FM fejn flimkien mal-Membru Parlamentari Mario Galea kien qed jiġi intervistat minn Albert Buttigieg. Mons. Cremona spjega li fiż-żmien meta kien Arċisqof, kien wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi li se jagħti lilu nniffsu, iżda meta qal dan, nesa li dan jiddependi mis-saħħa mentali u fiżika. Semma kif il-ħajja mgħaġġla tal-lum tħalli lill-bnedmin bi ftit ħin għalihom infushom u biex forsi jieħdu ftit nifs mingħajr ma jinkwetaw fuq ix-xogħol u l-impenji tagħhom.

Mons. Cremona rrimarka kif il-Mulej inniffsu fil-Ġenesi, wara li ħoloq id-dinja, propju fis-seba’ jum, straħ. B’dan sostna li l-Mulej jagħtina eżempju  li aħna wkoll għandna bżonn nistrieħu. Spjega li kienet deċiżjoni diffiċli għalih li jasal sabiex jitlob lill-Papa biex iwarrab minn postu bħala Arċisqof, madanakollu rrealizza li jkun aħjar għall-Knisja jekk jieħu dan il-pass.

“Id-dipressjoni twasslek sabiex tistmerr u twarrab lilek inniffsek”

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Mario Galea sostna li d-dipressjoni twasslek sabiex tibda’ tistmerr u twarrab lilek inniffsek. Spjega li hu wkoll kien ibati mid-dipressjoni u sostna li kien hemm drabi fejn meta jisbaħ filgħodu kien jgħid “uff xi dwejjaq” minflok jifraħ li sebaħ jum ġdid. Spjega li d-dipressjoni tħallik fi stat li tkun trid teskludi lilek inniffsek mis-soċjetà, titlef interess li tagħmel l-affarijiet ta’ kuljum, u affarijiet li huma żgħar tibda tarahom kbar ħafna.

Galea rrimarka li propju 75% tal-persuni li jbatu mid-dipressjoni ma jfittxux kura. Spjega li d-dipressjoni hija żbilanċ kimiku fil-moħħ u hemm il-mediċina għaliha u sostna li jekk wieħed ma jieħux it-trattament neċessarju għaliha, jista’ jispiċċa vittma tas-suwiċidju. Qal li kienet deċiżjoni iebsa li joħroġ fil-pubbliku dwar il-battalja tiegħu mad-dipressjoni, speċjalment minħabba l-karigi tiegħu fil-politika. Madanakollu insista li kien konxju li persuni fil-ħajja pubblika li jitkellmu fuq sitwazzjonijiet bħal dawn, jgħinu persuni oħrajn sabiex ifittxu l-kura.