Kont naffaxxina ruħi nistudja dwar il-bniedem u l-ġisem tiegħu – Prof. Gauci

Facebook: People of Siġġiewi

Il-Professur Charmaine Gauci f’intervista mal-viċi Sindku tas-Siġġiewi Rodianne Haber u Christabelle Borg qalet li kienet taffaxxina ruħha tistudja dwar il-bniedem u l-ġisem tiegħu. Din l-intervista dehret fuq il-paġna ta’ Facebook, People of Siġġiewi.

F’din l-intervista hija spjegat li l-unika persuna li kienet taħdem fil-mediċina kienet oħt ommha iżda din kienet tgħix l-Awstralja u ma tantx kienet tiltaqa’ magħha. Spejgat li hija kienet tħobb ix-xjenzi partikolarment il-Bijoloġija u kienet taffaxxina ruħha tistudja dwar il-bniedem u l-ġisem tiegħu. Meta kienet fil-kors tal-mediċina bdiet tfittex kif setgħet tħalli mpatt dirett fuq il-popolazzjoni u bdiet tinteressa ruħha fis-saħħa pubblika. Prof. Gauci kompliet tispjega li dan ix-xogħol jinvolvi ħafna riċerka. Żiedet li hija ħadmet l-isptar biex hemmhekk iġġib l-esperjenza. Il-Masters u l-PHD għamlithom fl-Università ta’ Malta filwaqt li l-Intervention Epidemiology għamlitu Franza. Gauci kompliet li fix-xogħol tagħha bilfors trid tibqa’ tistudja u taġġorna ruħha biex tibqa’ kompetenti.

Hija kompliet tispjega li jkun hemm waqtiet fix-xogħol fejn il-progress ikun bil-mod ħafna u waqtiet oħra fejn tara progress aktar malajr. Qabel il-pandemija kien qed isir studju dwar l-obeżità fejn eżaminaw x’relazzjoni jista’ jkun hemm bejn il-faqar, l-impjiegi, l-edukazzjoni, id-djar u l-ambjent u s-saħħa tal-individwu. Issa reġgħu qed ikomplu dan l-istudju iżda hemm il-ħsieb li dan l-istudju jiġġedded sabiex jinkludi fih il-pandemija kif setgħet affettwat is-saħħa tal-poplu Malti.

Matul din l-intervista l-Professur Gauci spjegat li hija oriġinarjament kienet toqgħod il-Mosta u bdiet toqgħod is-Siġġiewi mar-raġel tagħha fl-1996. Hija spjegat li s-Siġġiewi tinsab għal qalbha ħafna u ddeskriviet lis-Siġġiwin bħala nies verament dħulin u dejjem tara lil xi ħadd jitbissimlek u jsellimlek.

Prof. Charmaine Gauci qalet li t-tisjir jgħinha tikkalma imma fil-preżent qegħdin isajru r-raġel u t-tifel tagħha. Żiedet li matul il-pandemija mmissjat ħafna lill-ġenituri tagħha, lil ħuha u l-ġenituri tar-raġel.

Meta mistoqsija dwar il-coronavirus, il-Professur Charmaine Gauci qalet li għall-bidu ħasbu li dan il-virus se jkun bħas-SARS u ma jidħolx Malta. Meta feġġ il-virus kellha ħafna emozzjonijiet imħallta u meta bdew jaraw li s-sitwazzjoni hija iktar serja milli ħasbu bdew jippreparaw għaliha. Żiedet li Malta kellha ċans biżżejjed biex tara x’kien qed jiġri pajjiżi oħra.

F’dan iż-żmien kienu qed iqattgħu sigħat u ljieli twal ta’ ħidma u kienu qed jaħdmu taħt pressjoni kbira. Żiedet li llum it-tim sar qisu familja. Matul din il-pandemija hija kienet tibża’ ħafna għall-anzjani u l-vulnerabbli u meta kienet tara xi anzjan barra kien ikollha aptit taqbadhom u ddaħħalom lura fi djarhom.

Fi tmiem l-intervista Profs. Gauci sellmet lis-Siġġiwin u l-poplu Malti u Għawdxi. Hija ħeġġet lil kulħadd biex ma jaqtax qalbu. Tenniet li l-virus għadu magħna u għalhekk irridu nieħdu l-prekawzjonijiet kollha.

Gauci qalet li hija qatt ma sabitx problemi għax kienet mara madankollu tifhem li kien hemm nisa li sofrew minħabba s-sess tagħhom. Temmet li kulħadd jista’ jasal fejn irid basta jaħdem għal dak li jrid.

Segwu l-intervista ma' Prof. Charmaine GauciJisimni Charmaine Gauci. Ilni noqgħod is-Siġġiewi mill-1996. Jiena…

Posted by People of Siggiewi on Saturday, June 20, 2020