‘Kont konvint li Michael Falzon ried li ssir l-espropjazzjoni fi Triq iż-Żekka’

Kont konvint li s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ried li ssir l-espropjazzjoni tal-propjetà fi Triq iż-Żekka.
Hekk qal Carmel Camilleri, eks-direttur responsabbli mill-immaniġġjar tal-propjetà tal-Gvern li llum deher quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Huwa deher quddiem il-kumitat parlamentari wara affidavit fejn sostna li aġixxa taħt pressjoni ta’ Clint Scerri, uffiċjal fis-Segretarjat  ta’ Falzon.
Camilleri ikkonferma li Scerri kien għamel pressjoni fuqu u fuq uffiċjali oħra fid-dipartiment biex imexxu l-każ tal-espropjazzjoni tal-propjetà fi Triq iż-Żekka. Sostna li Scerri kien il-ħolqa bejn id-dipartiment u l-Ministeru u għalhekk kien assuma li dak li kien jgħid Scerri kien ġej mill-Ministeru. Qal li dan ma kienx l-uniku każ li daħal fih Scerri. Fost l-oħrajn, Camilleri qal li Scerri ħadlu l-file u qagħad jistennih iħejji minuta fil-file. Sostna li minbarra Scerri, kien hemm preżenti ukoll l-istess Marco Gaffarena. L-istess ġara fil-kas ta’ meta id-draughtsman kellu jżur is-sit fi Triq iż-Żekka, tant li kien l-istess Gaffarena li ħa lid-draughtsman fuq il-post. Camilleri qal li l-fatt li klijent jieħu lil perit jew draughstman fuq is-sit mhix xi ħaġa rari. Fl-istess ħin, ma kienitx ħaġa normali li uffiċjal bħal Scerri jmur għandu flimkien ma klijent u jistenna li titlesta l-minuta ħalli jieħu l-file miegħu. Sostna li l-mod kif saru l-affarijiet, bl-għaġla, ma ppermettewlux jidħol fil-każ fid-dettal. Spiss qal li lil dokument, sempliċiment “tajtu daqqa t’għin.” Qal li l-istima saret minn perit li huwa lecturer fl-università dwar il-valutazzjoni tal-propjetà.
Camilleri ikkonferma li x-xiri ta’ propjetà fil-belt Valletta kienet “pass għaqli”, għaliex il-Gvern isibha diffiċli biex jixtri propjetà f’din il-lokalità. Barra min hekk sostna li l-ko-sidien riedu li l-Gvern joħroġ mill-propjetà inkwistjoni. Qal li Gaffarna kien ressaq il-lista ta’ propjetajiet li kellu jingħata bi tpartit, iżda kien Scerri li iddeċieda liema propjetà għandha tingħatalu b’kumpens.  Ikkonferma li mhux l-ewwel darba li persuni li l-gvern ikun se jesproprja art mingħandhom, jagħżlu li jieħdu propjetà bi tpartit kif ukoll liema propjetà.
Huwa sostna li l-affidavit kien reazzjoni xprunata mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li fl-opinjoni tiegħu kellu ineżattezzi fir-rigward tiegħu, li ħass li kellu jikkoreġi. Insista li qatt ma organizza ebda laqgħa dwar dan il-każ u lanqas għadda informazzjoni lil Gaffarena.