Iż-żeffiena ta’ 59 sena Heather Parisi tkellmet għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni Taljana dwar is-snin li għaddiet imsawta mill-eks sieħeb tagħha.
“Sa fl-aħħar għandi l-kuraġġ biex nipprova nkun ta’ spalla għal dawk in-nisa li bejn il-ħitan ta’ darhom huma vittmi ta’ vjolenza domestika,” qalet hi waqt xandira diretta tal-programm Live! Non è la D’Urso nhar it-Tnejn filgħaxija fuq l-istazzjon tal-Mediaset, Canale 5.
Heather Parisi kienet marret l-Italja meta kienet għadha żagħżugħa fis-Snin 70 u kisbet suċċess bis-sehem tagħha f’għadd ta’ programmi ta’ varjetà.

Dak li żvelat waqt il-programm ta’ D’Urso t-Tnejn filgħaxija kienet storja li ħadd ma kien qed jistenna għax qatt qabel ma kienet tkellmet dwarha.
Waqt dan il-programm hija dehret għall-ewwel darba mar-raġel tagħha Umberto Maria Anzolin u ż-żewġ uliedhom, it-tewmin Elizabeth u Dylan, li għandhom disa’ snin. Bħala intervista kellhom jiffukaw fuq it-tqala ta’ Parisi fl-età ta’ 50 sena.
Iżda minn hemm hija bdiet titkellem dwar l-imgħoddi tagħha, parti minn ħajjtiha li qatt ma kienet tkellmet dwarha qabel.
“Permezz ta’ dan il-programm irrid nagħti kuraġġ lil dawk in-nisa li għaddejjin minn din is-sitwazzjoni,” qalet hi waqt li żvelat li hija kienet imsawta għal seba’ snin sħaħ minn eks sieħeb tagħha li hija għazlet li ma ssemmix b’ismu.